Lokali

Reazzjonijiet pożittivi mis-sidien tal-ħwienet għall-proposti tal-PN

Reazzjonijiet pożittivi mis-sidien tal-ħwienet għall-proposti tal-Partit Nazzjonalista biex in-negozji żgħar u medji jissaħħu u jegħlbu sfidi ta’ burokrazija li bħalissa għadhom qed iħabbtu wiċċhom magħhom.

Dan ħareġ matul iż-żjarat li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech għamel f’diversi ħwienet f’Birkirkara, fejn seta’ jifhem aktar il-ħtiġijiet tagħhom u kif Gvern ġdid immexxi minnu se jkun l-ispalla tan-negozju tagħhom.

Bernard Grech fakkar kif Gvern ġdid Nazzjonalista se jwessa’ l-faxxa ta’ eżenzjoni mill-VAT għal €60,000, fejn spjega li din tfisser tnaqqis qawwi ta’ burokrazija u allura, li s-sidien tan-negozji jqattgħu aktar ħin mal-familji tagħhom.

U filwaqt li se jestendi l-faxxa tal-income tax li s’issa qegħda sa €60,000 għal €80,000, Gvern ġdid immexxi minnu joħloq fond ta’ €40 miljun biex min jimporta l-materja prima jkun mgħejjun jesporta l-prodott maħdum.

Min-naħa l-oħra, is-sidien tan-negozji esprimew ma’ Bernard Grech it-tħassib tagħhom għall-mod kif il-prezzijiet qed ikomplu jogħlew u li allura, ibatu l-klijenti tagħhom. Spjega kif parti minn din il-problema toriġina minn prezzijiet internazzjonali u għalhekk qal li din għandha tkun indirizzata.

Sidien oħrajn tan-negozji spjegawlu l-problemi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom minħabba li pajjiżna jinsab fil-grey list tal-FATF, fosthom li qed iħossuhom fgati b’ħafna mistoqsijiet dwar minfejn ikunu ġabu flushom, filwaqt li l-politiċi tal-Gvern qed jibqgħu għaddejjin qisu qatt ma ġara xejn.

Matul iż-żjara f’Birkirkara, Bernard Grech kien akkumpanjat mill-Viċi Kap David Agius, mid-Deputat Beppe Fenech Adami, kif ukoll minn Justin Schembri u David Pace Ross – kollha Kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali li ġejja.

Preżenti wkoll is-Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv Rudolph Marmara u membri tal-Kumitat Sezzjonali tal-Partit f’din il-lokalità.