Imħallef fl-Istati Uniti deċidiet li kumitat tal-Kungress Amerikan li qed jinvestiga l-irvellijiet ta’ Jannar fil-Capitol ta’ Washington jista’ janalizza uħud mir-rekords tal-White House minn żmien l-eks President Donald Trump.
Dan minkejja li Trump kien għamel minn kollox biex jostakola l-iskrutinju permezz ta’ mozzjoni għal executive privilege intiż biex id-dokumenti ta’ President Amerikan ma joħorġux fil-beraħ.
Intant, għaddejja investigazzjoni dwar jekk Donald Trump kienx jaf minn qabel li l-folol ta’ partitarji Repubblikani estremisti kienu qed jippjanaw assedju fuq il-kapitali – u li fil-fatt seħħ fis-6 ta’ Jannar, meta s-sostenituri ta’ Trump attakkaw il-bini tal-Capitol fi żmien meta l-Kungress kien qed jivverifika r-rebħa elettorali għall-President Amerikan attwali, Joe Biden,
Donald Trump irrifjuta li jammetti t-telfa fl-elezzjoni presidenzjali tas-sena l-oħra u baqa’ jinsisti li ‘il-proċess kien imbagħbas’ mingħajr qatt ma ressaq il-provi konkreti.
L-inkjesta attwali qed titmexxa minn kumitat li twaqqaf mill-Kamra tar-Rappreżentanti li hi dominata mid-Demokratiċi tal-President Biden. Il-kumitat, issa, qed jevalwa sensiela ta’ rekords telefoniċi; data dwar persuni li żaru l-White House u dokumenti oħra li kapaċi jixħtu dawl ġdid fuq l-avvenimenti li wasslu għall-assedju fuq il-Kungress Amerikan.
Fl-istess ħin, numru ta’ eks-uffiċjali, sostenituri ta’ Trump, ‘il quddiem iridu jitilgħu u jagħtu xhieda quddiem id-deputati li qed jiffurmaw dan il-kumitat.
Dan minkejja li Donald Trump baqa’ jinsisti li l-komunikazzjonijiet tiegħu mill-White House ‘għandhom jibqgħu protetti u ma joħorġux għall-konsum pubbliku’.
Mill-banda l-oħra, l-Imħallef Tanya Chutkan iddeċidiet li l-aġenzija federali (in-National Archives) li qed iżżomm ir-rekords għandha tikkoopera mat-talbiet tal-Kumitat. Fl-istess ħin Chutkan qalet li l-Kungress għandu d-dritt li jara d-dokumenti, u b’mod partikulari wara li l-President Biden qabel dwar dan il-pass.
//= $special ?>