Lokali Qorti

Żewġ gwardjani tal-ħabs nisa akkużati b’omiċidju involontarju ta’ priġuniera

Ritratt: Times of Malta

Gwardjana tal-ħabs u l-eks kollega tagħha ġew akkużati bl-omiċidju involontarju ta’ priġuniera mara li wettqet suwiċidju f’Ġunju ta’ din is-sena. Kimberly (Kim) Borg Nicolas Virtu (ritratt) kienet wettqet attentat ta’ suwiċidju fil-ħabs u spiċċat mietet fl-Isptar Mater Dei tliet ġimgħat wara.

Alison Vassallo ta’ 41 sena mill-Fgura u Annabelle Cauchi ta’ 51 sena miż-Żebbuġ wieġbu mhux ħatja tal-akkużi quddiem il-maġistrat Caroline Farrugia Frendo. In-nisa ma tressqux il-Qorti b’arrest imma b’taħrika, u għalhekk ma kienet meħtieġa l-ebda talba għal libertà proviżorja.

L-avukati tagħhom infurmaw lill-qorti li ma kellhom l-ebda oġġezzjoni għal dawn il-proċedimenti. Inkjesta maġisterjali kienet sabet li ż-żewġ gwardjani naqsu milli jżommu mal-protokolli, li wasslu għall-mewt tal-priġuniera. Huma ġew akkużati wkoll li wettqu reat li kienu obbligati li jipprevjenu.

L-omiċidju involontarju jġorr massimu ta’ erba’ snin ħabs u/jew multa ta’ €11,000. L-Ispettur Paul Camilleri ħa l-pedana tax-xhieda. Huwa kien involut mill-bidu nett, qal lill-Qorti. Hekk kif il-pulizija kienet infurmata b;l-attentat ta’ suwiċidju minn Borg Nicholas Virtu, huwa mar fil-faċilità, fejn sab ħaddiema li jamministraw is-CPR lill-priġuniera mitlufa minn sensiha.

Il-mara ttieħdet l-isptar Mater Dei, fejn aktar tard mietet, qal. L-ispettur ikkonferma l-akkużi bil-ġurament. Il-kontro-eżami kien riżervat sakemm id-difiża ngħatat ħin biex tara l-fajl tal-kawża. Xehed ukoll is-Surġent tal-Pulizija Gary Saliba Di Stefano biex jikkonferma l-kontenut ta’ rapport li kien ġabar b’ġurament.

Il-prosekuzzjoni qalet li l-maġġoranza tax-xhieda kienet diġà nġabret u xehdet fl-inkjesta. Il-każ għandu jkompli fis-Sena l-Ġdida. L-Avukat Rachel Tua qed tidher bħala parte civile għall-familja ta’ Kim. L-avukati Herman Mula, Mario Mifsud u Christian Camilleri qed jiddefendu lill-akkużati.