Raġel li ammetta li barax il-karozza personali tal-Ispettur tal-pulizija Elton Taliana aktar kmieni dan ix-xahar ġie kundannat għal disa’ xhur ħabs sospiżi għal sena wara li ħallas lura għal ħsara li għamel. Justin Bartolo ta’ 38 sena minn Ħal Qormi, tressaq il-Qorti l-ġimgħa li għaddiet u ngħata sentenza. Huwa ammetta li volontarjament għamel ħsara fuq karozza BMW li kienet ipparkjata Ħal Tarxien.
Filmati tas-CCTV urew lil Bartolo miexi ħdejn il-vettura, jobrox iż-żebgħa miż-żewġ naħat. Huwa ammetta immedjatament għall-att kriminali, u qal lill-qorti li kien “għamel żball.” Qabel ma nqarat s-sentenza, l-avukat difensur Edward Gatt informa lill-Qorti li l-klijent tiegħu rranġa l-ħsara li ġarrab l-ispettur li tammonta għal €2092.
Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, fid-dawl tal-ħlas kif ukoll tat-talba bikrija ta’ ħati tal-akkużat, il-kondotta kriminali nadifa tiegħu u l-fatt li kien skuża ruħu u wera rimors, ikkundannatu sentenza sospiża. Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ trażżin favur il-vittma. L-Ispettur Sarah Zerafa mexxiet il-prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukat Mario Mifsud deher bħala parte civile.
//= $special ?>

