Lokali Qorti

“Mill-ħabs ma tgħallem xejn u wara li skonta s-sentenza reġa’ seraq lil diversi anzjani”: Il-Pulizija ssolvi mewġa ta’ serq

“Mill-ħabs ma tgħallem xejn. Kien weħel il-ħabs fuq serq minn fuq anzjani meta kien jidħol f’darhom u jisraqhom. Lanqas laħqu għaddew jumejn li ma reġax beda jagħmel l-istess. Chris Farrugia beda jdur diversi lokalitajiet f’Malta u wara li jħabbat il-bieb ta’ anzjani, jgħidlhom li qed ibiegħ biljetti tal-lotterija u wara li jaljenahom jispiċċa biex jidħol fir-residenza tagħhom u jisraqhom. Kien hemm min induna mill-ewwel li sfaw misruqa u kien hemm min induna wara.”

Dan żvelah lill-Qorti l-Ispettur Lydon Zammit li flimkien ma’ l-Ispettur Stephen Gulia ressqu lil Farrugia ta’ 40 sena, li b’mod temporanju joqgħod Ħaż-Żabbar, imma li m’għandux residenza fissa. Huwa ġie mixli bi 13-il akkuża u li baqa’ miżmum il-ħabs wara li ma ngħatax il-libertà proviżorja. Wieħed mill-vittmi tar-reat huwa anzjan ta’ 95 sena.

Il-Pulizija irnexxielha ssolvi numru ta’ serqiet minn fuq seba’ anzjani u persuna ta’ 52 sena. Chris Farrugia (ritratt) diġa’ kien kiser difrejh mal-liġi f’Ġunju li għadda f’serqiet simili. Is-serq minn fuq dawn il-persuni kien isir billi jintalbu jixtru biljett mal-prima tal-lottu u wara l-ħalliel jibqa’ dieħel fid-dar tal-vittmi, jisraq il-flus sakemm il-vittmi f’dan il-każ jiġu biex iħallsu għat-taparsi biljetti.

Il-Prosekuzzjonijiet qalet li kien hemm ukoll okkażjonijiet fejn Farrugia mar jittallab għall-flus. Il-vittmi kollha prattikament sfaw misruqa fid-dawl tax-xemx. Farrugia qed jiġi akkużat li wettaq żewġ serqiet f’Birkirkara fejn wieħed mill-vittmi kien anzjan ta’ 95 sena. Dan insterqulu madwar €700, prattikament il-pensjoni kollha li kien għadu kien qabad. Din is-serqa fil-konfront ta’ dan l-anzjan seħħet il-Ġimgħa, 29 ta’ Ottubru, għall-ħabta tas-1.15pm bil-ħalliel jaħtaf il-flus u jaħrab jiġri l-barra.

Saru wkoll żewġ serqiet fil-Mellieħa, tnejn oħra fl-Imġarr, serqa fil-Mosta u oħra f’Ħal Luqa. B’kollox tmien serqiet għalkemm il-Pulizija temmen li jista’ jkun hemm aktar vittmi li m’għamlux rapport. Farrugia ġie arrestat wara li diversi rapport mill-vittmi kienu jgħidu li huwa kien qed jippoża ta’ persuni li qed ibiegħ il-biljetti mal-prima biex jgħin lil xi tfal. Wara allegatament li kien jitlobhom il-flus jibqa’ dieħel fi djarhom u jisraq il-kartiera jew il-portmoni tal-vittma u jaħrab jiġri l-barra.

Ħamsa mill-vittmi għandhom fuq it-80 sena, bl-iżgħar vittma tkun ta’ 52 sena u l-akbar waħda ta’ 95 sena. Il-Pulizija identifikat lir-raġel meta kien fil-Mellieħa qed iħabbat bieb ta’ residenza meta fetħitlu mara anzjana. Dan kien għall-ħabta tal-11.00 am. fejn huwa mill-ewwel ġie arrestat bil-Pulizija tmur tagħmel tfittxija fid-dar tiegħu u nstabu għadd ta’ flus kontanti li allegatament ġew mis-serq.

Mara anzjana vittma li fetħet il-bieb ta’ barra wara li ħabtilha raġel lil qalilha li kien qed jiġbor flus għall-missjoni. Qalilha li jekk tagħtih bħal speċi donazzjoni u taċċetta kien se jagtħiha biljett tal-prima. Kif daħlet ġewwa biex iġiblu l-flus, ir-raġel baqa’ dieħel warajha. Kif ratu warajha hija għajtet lil żewġha. Kif dan induna li l-anzjana mhijiex waħedha, huwa ħareġ jistenniha barra fejn il-bieb.

Hija tagħtu ħames ewro, bil-ħalliel iweġibha – ‘daqshekk biss għall-missjoni – messek tistħi.’ u hi qaltlu li daqshekk kellha flus u telaq ‘l hemm. Anzjana oħra fil-Mellieħa ġarrbet l-istess esperjenza, din id-darba meta kienet miexja barra t-triq. Hawn waqqafha raġel u qalilha li kien qed jiġbor flus għall-missjoni. Hekk kif mill-portmoni ħarġet €25, dan ħatafhomla u ħarab minn fuq il-post.

Is-serq imur lura sa April u Ġunju ta’ din is-sena wara li f’Ġunju l-akkużat kien spiċċa l-ħabs. Il-maġġoranza tas-serq l-ieħor sar f’Ottubru u Novembru. Matul il-jum tal-Erbgħa Farrugia ġie nterrogat fid-depot tal-Pulizija mmexxija mill-Ispettur Lydon Zammit li ta’ spiss jagħmel appell lill-anzjani u vittmi biex jagħmlu rapport mal-Pulizija jew iċemplu fuq in-numru 119. L-investigazzjonijiet qed jitmexxew mit-Taqsima tar-Reati Vjolenti tal-Pulizija, assistiti mit-Taqsima tas-Central Intelligence u Analysis Unit.

Farrugia ġie akkużat b’serq minn residenzi ta’ anzjani, frodi, li talab għall-karità għad-dannu tal-istess anzjani, u fl-istess żmien iżda fi ġranet, ġimgħat u xhur differenti għex ħajja ta’ għażż u vagabuntaġġ. Huwa se jiġi mixli wkoll li sar reċidiv. Akkużi oħra jinkludu li għamel lotterija pubblika mingħajr ma kellu permess mid-Direttur tal-Lottu u li ħajjar għall-promozzjoni tal-logħob.

Fid-29 ta’ Ġunju li għadda Farrugia kien tressaq il-Qorti mixli u sussegwentement instab ħati li fis-17 ta’ Ġunju li għadda f’Santa Luċia wettaq serqa minn residenza ta’ anzjana ta’ 85 sena, li mmolestaha u li anke mmolesta anzjana oħra ta’ 83 sena.

Dak inhar is-serq kien ukoll sar fid-dawl tax-xemx, għall-ħabta tas-2.00pm. fejn anzjana minnhom insterqilha l-ammont ta’ €200 u li aktar tard immolesta lill-allegata vittma fl-istess triq u għamel l-istess fuq l-anjana l-oħra għall-ħabta tas-6.10pm.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Lydon Zammit u Stephen Gulia filwaqt li l-Avukat tal-Għajnuna Legali Joe Brincat deher għall-akkużat li minkejja li għamel talba għall-pleġġ qal li jifhem li l-Qorti peress li hemm madwar 15-il xhud li jridu jagħtu d-depożizzjoni tagħhom, bil-Qorti ma tkunx f’qagħda li tagħti l-libertà proviżorja. Madankollu talab lill-Prosekuzzjoni biex ttella’ x-xhieda mingħajr dewmien.

Il-Prosekuzzjoni qalet li il-karattru tal-akkużat huwa raffrettarju u mhux ta’ min jafdah u ma hemm l-ebda garanzija li jekk ikun bil-pleġġ ma jerġax jagħmel l-istess. Sadanittant l-Avukat Franco Debono qed jidher għan-nom tal-anzjan ta’ 95 sena. Ir-raġel tressaq quddiem il-Maġistrat Elaine Mercieca.