Sport Sport Ieħor

Athletics Malta b’riforma fl-avvenimenti ta’ barra l-istadia

(Ritratt: Cassar Photography)

F’riforma maġġuri għall-avvenimenti ta’ barra l-istadia, Athletics Malta se tkun qed timplimenta s-sistema ta’ tikkettar (labelling) fuq l-atleti li se jkunu qed jipparteċipaw. Athletics Malta torganizza bosta avvenimenti fothom maratoni, nofs maratoni, tlielaq tal-10km u 5km, kif ukoll mountain running, cross country u distanzi oħra.

It-tikketti fuq l-atletli se jinkludu bosta rekwiżiti fost l-oħrajn marbuta mal-organizzazzjoni tal-avveniment, ġestjoni tat-traffiku, esperjenza tal-atleta, għajnuna medika u kunsiderazzjonijiet finanzjarji. It-tlielaq kollha se jkunu meħtieġa li josservaw ir-regolamenti tal-World Athletics, fl-implimentazzjoni ta’ din l-istruttura ġdida.

Andy Grech, il-President ta’ Athletics Malta qal li din ir-riforma u l-introduzzjoni tas-sistema ta’ tikkettar se jwasslu għal standards ogħla fl-organizzazzjoni tal-avveniment, “Aħna qed nittamaw li nżidu l-livell lokali tat-tlielaq fit-toroq mill-aspett kemm organizzattiv kif ukoll tekniku biex fl-aħħar mill-aħħar ntejbu l-esperjenza ta’ kull min jieħu sehem. Dan se jgħin biex nattiraw atleti internazzjonali u nżidu l-possibbiltà għall-organizzaturi lokali li jorganizzaw avvenimenti akkreditati minn World u European Athletics hawn Malta.”

Din ir-riforma fi ħdan Athletics Malta se tkun f’idejn Duncan Abdilla, fejn saħaq li l-implimentazzjoni tagħha se titlob sforz akbar mill-organizzaturi u l-clubs rispettivi.