Lokali

Bogdanovic idaħħal €15,000 mill-kuntratt li suppost Abela qal li waqqaf

Daniel Bogdanovic, l-eks plejer tal-futbol u ħabib intimu tal-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana, ingħata l-pagament sħiħ ta’ €15,000 għal kuntratt ferm dubjuż li suppost kien ġie xolt mill-Prim Ministru Robert Abela.

Analiżi li għamlet il-Kamra tal-Aħbarijiet The Shift News f’direct orders tal-Ministeru għall-Edukazzjoni kkonfermat li Bogdanovic ġie mħallas €15,000 għal kuntratt ta’ 3 xhur, kuntratt li kien jobbligah jżur l-iskejjel tal-istat u jfassal rakkomandazzjonijiet biex jittejjeb l-isport f’dawn l-iskejjel.

Il-kuntratt ġie żvelat lura f’Marzu, bil-Mexxej Laburista Robert Abela jisħaq li l-kuntratt kien waqqa’ l-kuntratt kontroversajli minnufih…..madanakollu jidher li Bogdanovic xorta waħda daħħal l-ammont sħiħ f’butu.

Minkejja li l-eks plejer tal-futbol kien jilgħab fost oħrajn ma Barnsley u Blackpool snin ilu, xorta waħda l-kuntratt mal-Ministeru tal-Edukazzjoni qajjem diversi dubji u xettiċiżmu kemm minħabba n-nuqqas ta’ kwalifikazzjoni f’dan is-settur kif ukolll minħabba r-relazzjoni li għandu ma’ Justyne Caruana.

Wara li dan il-kuntratt sar magħruf, Bogdanovic kompla jaħdem fi ħdan il-Ministeru, b’sorsi jisħqu li saħansitra kienu jarawh ma Caruana fi ħdan il-binja tal-Ministeru kif ukoll kienu jakkumpanjaw lil xulxin f’xi żjarat fl-iskejjel.