Ambjent Lokali Unjoni Ewropea

Il-Gvern Malti għal quddiem il-Qorti Ewropea

Mill-ġdid aħbarijiet xejn sbieħ għall-Gvern ta’ Robert Abela, li issa spiċċa f’pożizzjoni fejn lanqas hu kapaċi jikkonvinċi lill-Kummissjoni Ewropea.

Dan wara li ħarġet l-aħbar illi l-Kummissjoni Ewropea se tressaq lill-Gvern Malti quddiem il-Qorti tal-Unjoni Ewropea b’rabta mad-direttiva tal-Għasafar kif applikata għall-istaġun tal-insib.

Skont il-Kummissjoni, Malta applikat b’mod skorrett ir-reġim tad-derogi u awtorizzat l-insib tal-isponsuni protetti għal skopijiet ta’ riċerka. Fi stqarrija il-Kummissjoni Ewropea qalet li minkejja li l-għan iddikjarat huwa ta’ riċerka, bosta elementi jindikaw li l-iskema, fil-prattika, tippermetti li għadd kbir ta’ għasafar jinqabdu mingħajr ma jiġu rrappurtati.

L-għaqda BirdLife Malta fi stqarrija appellat lill-Gvern biex jagħlaq l-istaġun tal-insib għar-riċerka filwaqt li l-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba, Konservazzjonisti qalet li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea hija mossa instigata mill-BirdLife.