Lokali

Il-Gvern qiegħed jipprova jqarraq bil-kwistjoni tas-sistemi tal-mitigazzjoni kontra l-għargħar u ġbir tal-ilma – PN

Minkejja l-propoganda kontinwa tal-gvern li qiegħed itejjeb is-sitwazzjoni fit-toroq Maltin, ir-realtajiet li għexu n-nies fl-aħħar ġimgħat u jiem u r-ritratti li dehru fuq il-mezzi soċjali huma direttament bil-kontra għal din in-narattiva tal-gvern.

Dan stqarru l-Kelliem għat-Trasport Toni Bezzina fejn sostna li r-realtà hija li l-Gvern falla milli jindirizza l-isfidi li qed jesperjenza l-poplu Malti, ewlenija fosthom il-problema tal-għargħar – fejn ma’ kull ħalba xita t-toroq tagħna jegħrqu.

Il-Partit Nazzjonalista ilu għal żmien twil jinsisti mal-gvern dwar il-bżonn li jassigura li kull proġett infrastrutturali jinkorpora fih sistemi ta’ water culverts, sabiex jiġi mmitigat l-għargħar filwaqt li tiġi evitata l-ħela tar-riżorsa prezzjuża tal-ilma. Dan filwaqt li sistemi ta’ water culverts eżistenti jkunu mantnuti b’ mod regolari. Madankollu, dan l-appell waqa’ fuq widnejn torox għaliex kif jixhdu r-ritratti li daru fuq il-mezzi soċjali fl-aħħar siegħat, numru kbir ta’ toroq, anke dawk li saru riċentament bħall-Marsa Junction, sfaw mgħerrqa.

F’interpellanza parlamentari, il-Ministru Ian Borg kien qal: “Is-sistemi li jikkontrollaw l-ilma tax-xita jitqiesu bħala element integrali u ndispensabli fid-disinn tat-toroq u l-proġetti proposti.” Madankollu, il-poplu issa jista’ jifhem li dan kien biss kliem fieragħ, għaliex ir-realtá hija mod ieħor.