Lokali

Il-Kummissarju għandu jinforma lill-poplu jekk Muscat hux ikun investigat – Bernard Grech

Il-poplu għadu qed jinżamm fl-għama jekk l-eks Prim Ministru Joseph Muscat issejjaħx għal investigazzjoni jiem wara li gazzetta lokali żvelat kif dan ħa eluf ta’ ewro f’konsulenzi minn kumpanija Żvizzera li rċeviet miljuni mingħand Steward Healthcare waqt li kien qed jgħaddi għandhom id-deal tal-isptarijiet mingħand Vitals Global Healthcare.

Għaldaqstant, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech sejjaħ lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinforma lill-poplu ladarba, bħala istituzzjoni li timmerita rispett, il-Korp għandu jserraħ ras kulħadd li mhix il-ħuta ż-żgħira biss li tinqabad u tkun investigata.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li ma jistax ikun li l-politiku jibqa’ jaħrab il-ġustizzja u mhux biżżejjed li ngħidu li eks Prim Ministru għandu l-obbligu li jwieġeb għax l-istituzzjonijiet għandhom jitħallew jaħdmu.

Bernard Grech qal li, min-naħa l-oħra, il-politiku għandu jagħmel dak li hu sewwa biex isem pajjiżna jerġa’ jieħu r-rispett li dejjem kellu.

Il-Ħadd li għadda, is-Sunday Times of Malta żvelat li Muscat tħallas total ta’ €60,000, bl-ewwel ħlas saħansitra sar xahrejn biss wara li rriżenja minn Prim Ministru.

Ikkummenta