Internazzjonali

Ir-Russja tissuġerixxi restrizzjonijiet kiefra għal kontra l-COVID

Il-Gvern Russu qed ilesti biex jwaqqaf it-tixrid tal-COVID-19 fir-Russja b’kull mezz possibli, hekk kif aktar kmieni din il-ġimgħa Moska iddikjarat li jekk ikun hemm bżonn, se tkun qed tinforza l-aktar regoli stretti li qatt rat id-dinja fil-konfront ta’ din il-pandemija.

Diversi sorsi qiegħdin jgħidu li din l-istqarrija riċenti minn Moska ma’ kienitx ta’ sorpriża għaċ-ċittadini Russi, hekk kif dan l-aħħar il-poplu reġa’ mill-ġdid sab lilu nnifsu mgħerreq b’każijiet ġodda tal-COVID-19 li qiegħdin kontinwament jkomplu jiżdiedu mingħajr ebda sinjal ta’ kontroll.

Il-Gvern Russu kompla biex jiddikjara, li saħansitra waħda mill-miżuri li l-Ministri Russi qiegħdin jiddiskutu fil-Kabinett, hija l-liġi biex kull ċittadin Russu jkollu ‘QR Code’ apposta għalih jew għaliha li turi jekk dik il-persuna ġietx imlaqqma kontra l-pandemija, jew jekk dik il-persuna għadhiex kemm tirkupra mill-COVID-19 u b’hekk għandha immunità naturali għal kontra l-pandemija.

Madankollu, min ma jkollux din il-QR code mhux se jitħalla jidħol f’żoni kulturali bħal mużewijiet, ħwienet u saħansitra anke postijiet tal-ikel u x-xorb.

Pereżempju, fil-kuntest Malti, dan jfisser li ħadd ma’ jkun jista jidħol fi ħwienet, żoni kulturali pubbliċi, jew restoranti sakemm ma juriex il-passaport tal-vaċċin jew PCR test.

Jekk din il-miżura tiġi imposta fuq il-poplu Russu, din se tibqa effettiva immedjatament minn issa sal-ewwel ta’ Frar 2022. Madankollu, minħabba li r-Russja għanda Gvern Federalist, ir-reġjuni Russi għandhom kull dritt li jastjenu minn din il-liġi u ma’ jimplimentawhiex.

Madankollu dan ma’ tantx jidher li se jkun il-każ, hekk kif din il-ġimgħa ġew ikkonfermati aktar minn 8,900,000 każ tal-COVID-19, b’aktar minn 247,000 mewta attribwiti għal din il-pandemija.