“Tkun taf li missejt il-qiegħ meta l-media tal-Labour tirraporta dwar skandlu tal-Gvern b’mod aktar ġust mix-Xandir tal-Istat – suppost media indipendenti.”
Saħaq dan l-Editorjal ta’ The Malta Independent meta kien qed jirreferi għad-deċiżjoni tal-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, li unanimament ikkonferma u adotta r-rapport tal-Kummissarju tal-Istandards George Hyzler, li sab lill-Rosianne Cutajar ħatja ta’ ksur ta’ etika.
Il-Kumitat ikkonferma li d-Deputat Laburista kisret il-Kodiċi ta’ Etika meta ma ddikjaratx donazzjoni ta’ €9,000 li rċeviet mingħand l-imprenditur Yorgen Fenech wara deal ta’ propjetà fl-Imdina. L-istess rapport indika li Rosianne Cutajar ħadet senserija ta’ €46,000. Billi fl-2020 Rosianne Cutajar kienet Segretarju Parlamentari, kull donazzjoni ma tistax tkun aċċetttata u għalhekk, kisret il-Kodiċi ta’ Etika.
U filwaqt li l-media Laburista rrappurtat din l-aħbar u rrimarkat il-fatti kollha li ħarġu fil-beraħ, il-PBS mhux talli ppruvat taħbiha, iżda għamlet referenza għal din l-aħbar skandaluża billi elenkat l-istqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalsita, bħallikieku l-Partit Nazzjonalista biss kien qed jitkellem dwar din l-aħbar.
Fl-istqarrija, il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika sab lil Rosianne Cutajar ħatja ta’ ksur ta’ Etika, u għalhekk għandha tirrizenja minn Membru Parlamentari minnufih.
F’Lulju li għadda, ix-Xandir tal-Istat kien irrapporta kif l-Ispeaker ivvota kontra l-adozzjoni tar-rapport li ppubblika l-Kummissarju tal-Istandards George Hyzler, fejn qal li Cutajar għandha tkun investigata mid-Dipartiment tat-Taxxi. Iżda issa, tal-PBS ma dehrilhomx li din l-aħbar hi xierqa li tiġi rrappurtata fl-aħbarijiet tat-8pm.
Min-naħa l-oħra, ix-Xandir tal-Istat dehrlu li l-aħbar li għal din is-sena l-Kunċissjoni mhux se ssir kienet ferm aktar importanti mill-aħbar dwar Rosianne Cutajar. Dan f’eżempju ieħor ta’ kif ix-Xandir tal-Istat hu maħtuf mill-Gvern tal-Labour u qed jonqos mill-imparzjalità dwar diversi setturi u oqsma politiċi f’pajjiżna.
