Żagħażugħ ta’ 29 sena li jaħdem bħala ‘computer technician’ ġie kundannat 18-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin wara li ammetta li seraq anzjan f’dahru. Primarjament huwa ġie mixli li seraq ftit aktar minn €20,000 għad-dannu ta’ anzjan li joqgħod f’villa ġewwa San Pawl il-Baħar ammetta s-serqa iżda tenna li huwa kien ħa is-somma ta’ €11,000, u mhux is-somma indikata mill-vittma.
Il-Prosekuzzjoni qalet li Christopher Calleja, residenti Birkirkara mar jagħmel xi xogħol għand l-anzjan f’żewġ okkażjonijiet, u li kien nhar it-Tnejn, 8 ta’ Novembru, u li sar magħruf li kienet saret serqa ta’ flus kontanti u li minn filmati Calleja ġie identifikat bħala l-ħalliel.
15-il jum qabel li Calleja kien fil-villa tal-vittma, u skont l-anzjan dak inhat ukoll kien ġie misruq, xi ħaġa li Calleja innega. L-Ispettur Joseph Mercieca li flimkien mal-Ispettur George Frendo ressaq lil Calleja qal li minn filmati tas-CCTV huma waslu għal min wettaq ir-reat. Mill-villa kien insterqu €8,000 u ftit aktar minn €12,000 insterqu minn ‘safe’. Wieħed mill-avukati tal-vittma qal li b’kollox insterqu €20,900.
Fil-qorti ħareġ li Christopher Calleja ġie arrestat nhar l-Erbgħa u li kkopera mal-Pulizija u ammetta l-involviment tiegħu fis-serqa. L-Ispettur Mercieca qal li huwa għandu fil-pusses tiegħu €11,000 li għaddielu Calleja, u li qal li hija parti mis-somma misruqa. Mercieca qal li kien lest li jgħaddi s-somma mill-ewwel lil anzjan.
Fil-preżenza ta’ żewġ neputijiet tal-anzjan li kienu qed jirrappreżentawh fil-Qorti l-Avukat Keith Borg li flimkien mal-Avukat Rebecca Borg qal li huwa qed jitlob li l-klijent tiegħu jitħallas b’mod sħiħ. Minn naħa l-oħra l-Avukati tal-akkużat ikkontesta bil-qawwa kollha l-kumplament tal-flus allegatament misruqa.
Wara li semgħet l-ammissjoni l-Qorti preseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana tagħtu ċans biex jaħsibha, minħabba li reat bħal dan jista’ jwassal għall-piena karċerarja. Wara li ngħata ċ-ċans Calleja kkonferma l-ammissjoni tiegħu bil-Qorti tinnota li l-prosekuzzjoni għaddiet is-somma ta’ €11,000 lil parte civile, liema somma ngħatat mill-akkużat stess qabel ma bdew il-proċeduri.
L-Avukat tal-parte civile qal li l-ammont misruq huwa ta’ €20,900, li qiegħed jaċċetta dawn il-flus bħala parti mill-flus u żamm ferm id-drittijiet tiegħu kollha biex jingħata l-bqija tal-flus. L-Avukati Janice Borg u Ludwig Caruana, li deheru għall-akkużat qalu li l-ammont kollu ta’ dak misruq huwa ta’ €11,000.
Il-Prosekuzzjoni qalet allegatament l-ewwel serqa saret fil-25 ta’ Ottubru, bl-ammont ikun ta’ €8,000, li kienu fuq xi għamara. Hawn l-akkużat qed jgħid li ma ħax xejn minn dawn il-flus, imma flus li seraq kienu ta’ €11,000 u mhux aktar, li ttieħdu fit-8 ta’ Novembru. Il-Prosekuzzjoni qalet li xierqa li l-ħati jingħata sentenza sospiża, xi ħaġa li d-difiża qablet magħha fejn qalet li m’għandux jingħata ħabs effettiv. Tenniet ukoll li Calleja għandu kondotta pjuttost nadifa u li kkopera mal-Pulizija.
//= $special ?>