Futbol Sport

“Jien se nibqa’ wara l-plejers tiegħi, ħaddieħor jagħmel li jrid” – Devis Mangia

(Ritratt: MFA/Domenic Aquilina)

“Jien se nibqa’ wara l-plejers tiegħi, ħaddieħor jagħmel li jrid”. Dawn kienu l-ewwel kummenti tal-coach tat-tim nazzjonali Malti Devis Mangia wara t-telfa umiljanti ta’ 7-1 li sofra t-tim nazzjonali Malti kontra l-Kroazja. Kif żvelat mill-paġna ta’ Replay (Net Television) jidher li xi partitarji f’sezzjoni tal-Istadium Nazzjonali li ndirizzaw b’diżrispett xi plejers tat-tim nazzjonali Malti. Mangia kien urtat b’dan l-atteġġjament ta’ ftit partitarji u deher isikket li dawn l-istess partitarji filwaqt li jiddefendi lill-plejers tiegħu.

Mangia sostna li hu mhux lest li jarmi sentejn ta’ ħidma fi ħdan it-tim nazzjonali Malti minħabba partita waħda u ħeġġeġ lill-plejers kif ukoll lill-partitarji biex lkoll jiġbdu ħabel wieħed, għall-ġid tat-tim nazzjonali. Mangia rringrazzja wkoll lil dawk il-plejers li kien mweġġgħajn iżda xorta waħda kienu lesti li jaħdmu mal-kumplament tas-selezzjoni għal dawn il-partiti. Mangia saħaq li l-istaff tekniku u l-plejers għandhom jinsew kemm jista’ jkun malajr din il-prestazzjoni u jiffukaw fuq il-partita ta’ nhar il-Ħadd, kontra s-Slovakkja.