Lokali

Maratona ta’ imħabba bil-qalb kollha

Imħabba bil-qalb kollha.

Hija din it-tema tal-Maratona ta’ Caritas Malta li se tkun qed tiġi organizzata s-Sibt 13 ta’ Novembru; maratona li se tkun qed tixxandar fuq l-istazzjonijiet kollha lokali, inkluż Net Television.

Din is-sena Caritas Malta qed tiċċelebra t-53 sena mit-twaqqif tagħha fejn matul dawn is-snin kollha dejjem rat biex twassal u tindirizza l-ħtiġijiet tas-soċjetà; ħidma favur ġustizzja soċjali sabiex l-faqar ikun eradikat u l-emarġinati jkunu mgħejuna b’kull mod possibli.

Dan bil-għan li l-viżjoni ta’ Monsinjur Victor Grech tkompli tissaħħaħ permezz ta’ voluntieri u professjonisti fil-qasam u ħidma li tiffoka b’mod speċjali fuq ir-rijabilitazzjoni terapewtika mill-abbuż ta’ droga..ħidma li tagħha Caritas Malta hija pijuniera.

Mistiedna fuq il-programm Net AM, l-ufficjal ta’ Caritas Malta, Marica Cassar, tkelmet ukoll dwar il-fatt li l-ħidma tifrex ukoll fuq l-għajnuna li tingħata lil persuni vulnerabbli ….kemm mil-lat fiżiku kif ukoll psikoloġiku, hekk kif Caritas temmen b’mod sħiħ li kull persuna għandha jkollha d-dinjità li tixraqilha.

Il-ħidma sfieqa ta’ din l-organizzazjoni jixduh diversi persuni li bbenefikaw mis-servizzi ta’ Caritas Malta li kollha huma mingħajr ħlas. Servizzi li taw dak kollu meħtieġ sabiex dawk li fittxew l-għajnuna, sabu ħajja aħjar.

Tags