Raġel ta’ 35 sena mill-Kosta tal-Avorja inżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli li x-xahar li għadda kkommetta atti ta’ natura sesswali fuq tifla ta’ disa’ snin u li kkorrompiha. Youssouf Madou Soumaro jgħix San Pawl il-Baħar ma’ mara u bintha u li r-raġuni li jgħixu flimkien hija biex jaqsmu l-kera, għax għandhom meżżi verament limitati.
L-Ispettur John Spiteri, mgħejjun mill-Avukat Angele Vella, mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qal li nhar il-Ħamis li għadda l-iskwadra ta’ kontra l-vizzji daħlilha rapport miċ-Child Protections Services li tifla ta’ disa’ snin kienet ġiet abbużata minn inkwilin li joqgħod fl-istess residenza tal-minuri u ommha.
L-Ispettur Spiteri qal li l-omm taħdem bħala carer matul il-lejl, u meta t-tifla tkun waħedha mal-akkużat dan għamel avvanzi sessewali. Il-każ inkixef meta kien hemm xi diżgwid bejn omm il-vittma u l-imputat, bit-tifla tgħidilha li kien biesha, messilha sidirha u li għamel atti oħra ndiċenti.
Youssouf Ben, li wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih ġie mixli wkoll li b’għemil żieni, kkorrompa persuna taħt is-16-il sena, u lill-istess tifla li m’għalqitx it-12-il sena. Ġie mixli wkoll li kkommetta reat waqt il-perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża.
L-Avukat Victor Bugeja għamel talba għal libertà proviżorja li ġiet opponuta mill-Prosekuzzjoni li qalet li dan huwa każ sensittiv fuq tifla ta’ etá tenera, li għandu l-istess indirizz tal-vittma u li f’Ġunju li għadda ingħata ngħata sentenza sospiża wara li kien instab ħati ta’ frodi romantiku. Ingħad ukoll li hemm il-biża reali li huwa jaħrab minn Malta. Il-Qorti ċaħdet it-talba għar-raġunijiet li tat il-prosekuzzjoni.
//= $special ?>