Lokali

Pulizija rtirat strumentali fis-salvataġġ taż-żewġ persuni mill-għarqa f’Tas Sliema nhar l-Erbgħa

Raymond Saliba hu Pulizija rtirat – b’karriera ta’ 35 sena – u għalih dak li għamel l-Erbgħa ma kien xejn għajr reazzjoni immedjata għall-istint naturali li għandu li jsalva l-ħajjiet.

L-Erbgħa filgħaxija, għall-ħabta tas-7.00pm, Raymond kien Tas-Sliema, bilqegħda għall-kwiet fuq bank quddiem ix-Chalet jammira l-qawwa tal-baħar f’Għar id-Dud.

Xeni mill-isbaħ meta tkun qed tammiraha mill-irdoss ta’ bank, iżda waqt li kien qed japprezza l-qawwa tal-baħar, Saliba f’daqqa waħda ra n-nies jinġegħmu mal-ħadid tax-xatt.

Qrib baħar ferm aktar kalm minn ta’ dakinhar, hu spjegalna kif ittawwal minnufih lejn il-mewġ qawwi u ntebaħ li kien hemm żewġ persuni f’diffikultà fil-baħar u niżel jiġri jagħti l-ewwel għajnuna.

Raymond qalilna kif f’xi mumenti, it-tfajjel ma bediex jidher fil-baħar iswed, u f’ħin minnhom deher mitluf minn sensih f’wiċċ l-ilma. Fl-istess waqt, Sean Meli niżel fil-baħar biex jgħin liż-żewġ persuni. Saliba qal li flimkien bdew jaħdmu biex isalvaw liż-żewġ persuni, sakemm waslu l-uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili.

L-eks Pulizija tella’ lit-tfajjel fuq l-art u dawru fuq ġenbu biex ftit wara, wasal fil-post tim mediku li kompla jassistih.

Raymond spjegalna kif hu seta’ jagħmel dak li għamel għax kien imħarreġ u wissa li wieħed għandu jkun jaf ezatt x’qed jagħmel meta jmur biex jagħti l-għajnuna f’każi bħal dawn.

Illum pensjonant, Saliba qalilna li l-35 sena servizz li ta lil pajjiżna kienu miżgħuda esperjenzi differenti, iżda din ta’ din il-ġimgħa ħaditu lura 16-il sena, għat-22 ta’ Ottubru tal-2005.

Dakinhar, għall-ħabta tal-5.00am, il-Pulizija kienet irċiviet rapport li kienet waqgħet karozza fil-baħar f’Marsaskala. F’dak il-jum, pajjiżna kien inħakem minn grigalata qawwija.

Kwarta wara, Saliba kien f’sular u nofs fond taħt il-baħar, f’għadsa li għamel bin-nifs.

B’xorti tajba hu kkonferma li fil-karozza – li kienet maqluba rasha l-isfel u bid-dwal għadhom mixgħulin – ma kien hemm ħadd.

Dakinhar hu kien ingħata ċertifikat ta’ rikonoxximent għall-att erojku tiegħu mingħand il-Kummissarju ta’ dakinhar John Rizzo. U din il-ġimgħa, minkejja li ilu ma jilbes uniformi tal-Korp, hu reġa’ kien strumentali biex ġew salvati żewġ ħajjiet.