Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Rebħa komda għall-Ingilterra… L-Italja miżmuma fi draw

F’Wembley Stadium l-Ingilterra kisbu rebħa ta’ 5-0 kontra l-Albanija, biex b’hekk jinsabu punt biss ‘il bogħod milli jassiguraw kwalifikazzjoni awtomatika għat-Tazza tad-Dinja fil-Qatar. Huma fetħu l-iskor fid-9 minuta meta minn corner ta’ Reece James kien Harry Maguire li bir-ras tefa’ fix-xibka. Huma rdoppjaw fit-18-il minuta meta minn cross ta’ Jordan Henderson kien il-captain Harry Kane li mill-viċin ma żbaljax. Għaxar minuti wara din id-darba kien Jordan Henderson li bidel il-ballun tajjeb ma’ Kane u bil-kalma qabbeż minn fuq il-goalkeeper għal 2-0. L-Ingilterra għamluhom erba’ fit-33 minuta meta minn pass ta’ Raheem Sterling kien Harry Kane li sab is-saqf tax-xibka b’xutt b’saħħtu. Biex lejn tmiem l-ewwel taqsima huma skorjaw il-ħames gowl meta minn corner ta’ Phil Foden, reġa’ kien Harry Kane li b’ġest akrobatiku għeleb lill-goalkeeper Albaniż għal hat-trick personali.

Intant f’partita oħra l-Italja kienu miżmuma fi draw ta’ 1-1 mill-Iżvizzera. Kienu l-Iżvizzeri li marru fil-vantaġġ meta minn pass ta’ Silvan Widmer kien Noah Okafor li kkonkluda fil-lasta għal 1-0. Minkejja dan l-Italja kisbu d-draw fis-36 minuta meta minn pass ta’ Giovanni Di Lorenzo kien l-attakkant ta’ Napoli Lorenzo Insigne li tefa’ fix-xibka għal 1-1. L-Italja kellhom iċ-ċans li jirbħu l-partita lejn it-tmiem, meta mill-ħdax-il metru Jorginho ma rnexxielux jiskorja l-penalty, bil-partita tintemm 1-1

Minn Grupp F d-Danimarka li huma kkwalifikati, kisbu rebħa missielta ta’ 3-1 kontra l-Gżejjer Faroe. Kienu d-Daniżi li marru fil-vantaġġ fit-18-il minuta permezz ta’ Andreas Skov Olsen li kkonkluda fix-xibka għal 1-0. Huma rdoppjaw fit-63 minuta meta din id-darba kien Jacob Bruun Larsen li sab ix-xibka għal 2-0. Il-Gżejjer Faroe skorjaw il-gowl tagħhom lejn tmiem il-partita meta kien Klaement Olsen li tefa’ fix-xibka għal 2-1. Huma skorjaw it-tielet gowl tagħhom lejn tmiem il-partita permezz tal-midfielder Joakim Maehle għal skor finali ta’ 3-1.

TAZZA TAD-DINJA TAL-QATAR 2022

Illum: Grupp Ċ Italy v Żvizzera 1-1, Irlanda ta’ Fuq v Litwanja 1-0 Grupp F Moldova v Skozja 0-2, Awstrija v Iżrael 4-2, Danimarka v Gżejjer Faroe 3-1 Grupp I Andorra v Polonja 1-4, Ingilterra v Albanija 5-0, Ungerija v San Marino 4-0