Internazzjonali

Titħabbar il-mewt tal-eks ġurnalist tal-isport Taljan Giampiero Galeazzi

Tħabbret il-mewt tal-eks ġurnalist tal-isport Taljan u eks qaddief Giampiero Galeazzi fl-età ta’ 75 sena.

Dan tħabbar mill-aħbarijiet ta’ Rai wara battalja twila mad-dijabete u l-kundizzjoni tal-Parkinson. Huwa twieled f’Ruma fit-18 ta’ Mejju 1946 fejn wara li gradwa fl-ekonomija huwa sar qaddief professjonali fejn saħansitra rebaħ il-kampjonat Taljan individwali fl-1967.

Sussegwentament huwa beda jaħdem mat-Taqsima tal-Aħbarijiet ta’ Rai bħala ġurnalist tal-isport kemm fuq ir-radju kif ukoll fuq it-televiżjoni fejn ċertament jibqa mfakkar għall-interventi matul id-Domenica Sportiva fis-snin 80 kif ukoll għal preżentazzjoni tal-programm ta’ 90esimo minuto bejn l-1992 u l-1999.

Huwa kien ukoll ippreżenta flimkien mal-preżentatur Pippo Baudo l-festival ta’ Sanremo fl-1996.