Internazzjonali

Tkompli l-kriżi tal-immigrazzjoni lejn ir-Renju Unit

Il-kriżi tal-immigrazzjoni fir-Renju Unit kompliet tiżdied.

Dan hekk kif madwar 1,000 immigrant qasmu l-English Channel minn Franza għar-Renju Unit matul il-jum tal-Ħamis, rekord fl-għadd ta’ immigranti li qasmu bejn dawn iż-żewġ pajjiżi f’jum wieħed.

Ħames dgħajjes tas-salvataġġ flimkien ma’ erbgħa oħra tal-Border Force eskortaw gruppi ta’ immigranti lejn Dover, b’sorsi Britanniċi jakkużaw lil Franza li qed jillaxkaw mis-sigurtà u li tilfu kompletament il-kontroll tas-sitwazzjoni.

Dan filwaqt li l-Awtoritajiet Britanniċi nsistew li l-għan ewlieni tagħhom hu li ħadd ma jitlef ħajtu bejn sema u ilma, filwaqt li l-kriminali jneffħu buthom bi flejjes imċappsin b’demm l-innoċenti.

S’issa din is-sena kienu aktar minn 23,000 il-persuni li poġġew ħajjithom f’riskju biex qasmu bejn Franza u l-Ingilterra … żieda ta’ aktar minn 8,400 meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet.

Uffiċjali Britanniċi sostnew li jridu jwaqqfu l-problema tal-immigrazzjoni irregolari lejn pajjiżhom darba għal dejjem, fejn spjegaw li hu inaċċettabbli li jkollok  dan l-ammont ta’ persuni kollha jaqsmu bejn pajjiż u ieħor b’dan il-mod f’jum wieħed biss.

Dan kollu hekk kif preżentament ir-Renju Unit qed iħallas madwar 54 miljun lira sterlina lil Franza biex tiżdied is-sigurtà fl-English Channel.