Ambjent Għawdex Lokali

Tliet NGOs ibbażati f’Għawdex jiffurmaw Koalizzjoni għal Għawdex

Tliet NGOs ewlenin li jiffukaw fuq l-ambjent u l-wirt Għawdxi, Din L-Art Ħelwa Għawdex, Għawdix and Wirt Għawdex, iffurmaw koalizzjoni u wegħdu li jaħdmu flimkien biex jipproteġu u jippreservaw il-wirt mibni u naturali Għawdxi.

It-tliet organizzazzjonijiet jirrappreżentaw oqsma diversi tas-soċjetà Għawdxija, fosthom residenti f’Għawdex, kemm Maltin kif ukoll barranin li huma iddedikati b’impenn sħiħ fil-gżira.

Filwaqt li ser ikomplu joperaw bħala NGOs indipendenti, it-tliet organizzazzjonijiet ser isemmgħu leħenhom b’vuċi waħda biex jiġġieldu l-ħafna żvilupp inaċċettabbli u xokkanti li qed iħalli effetti negattivi fuq l-ambjent mibni Għawdxi, fuq il-kosta u l-kampanja. B’hekk ser jirriflettu d-dieqa u d-disprament li qed iħossu l-biċċa l-kbira tar-residenti Għawdxin.

Koalizzjoni għal Għawdex temmen li jekk tittieħed azzjoni fil-pront, għadna fil-ħin sabiex insalvaw il-karatteristici tal-gżira t’Għawdex għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

Għalissa, Koalizzjoni Għal Għawdex ser tiffoka fuq żewġ aspetti. L-ewwelnett, permezz ta’ lobbying, ser tħeġġeġ lill-Gvern u lill-Awtorita’ tal-Ippjanar biex jingħalqu l-loopholes fil-liġijiet tal-ippjanar li jippermettu l-kostruzzjoni bla rażan u mhux xieraq li qiegħed jeqred il-pajsaġġ Għawdxi.

It-tieni nett, ser tagħmel pressjoni ta’ lobbying fuq il-Gvern u fuq dawk il-persuni li jippjanaw sabiex titfassal viżjoni fit-tul għal Għawdex, waħda li tipproteġi r-riżorsi ewlenin tal-gżira kif ukoll l-isbuħija intrinsika tagħha u t-trankwilita’ li għal għexieren ta’ snin attiraw ħafna nies lejn xtutha.

Ix-Xlendi u Ħondoq ir-Rummien mhumiex il-Bajja ta’ San Ġorġ u Buġibba. San Lawrenz, il-Qala u x-Xagħra mhumiex Tas-Sliema, l-Imsida u l-Gżira, u l-policies preżenti tal-ippjanar ta’ one-size-fits-all mhumiex adattati għall-iskop tagħhom, u hemm bżonn li jiġu mibdulin wara konsultazzjoni xierqa mal-komunitajiet, il-kunsilli lokali, l-NGOs u l-entitajiet tan-negozju bbażatif’Għawdex.

Taħt il-kappa tal-Koalizzjoni għal Għawdex, Din L-Art Ħelwa Għawdex, Għawdix u Wirt Għawdex jiddikkjaraw li s-sitwazzjoni f’Għawdex waslet f’livelli intollerabbli, u tinħtieg azzjoni immedjata.

Il-Koalizzjoni bi ħsiebha taħdem mal-Gvern, tqajjem l-opinjoni pubblika, u tfittex timxi f’kull triq legali u kostituzzjonali sabiex tiżgura li l-entitajiet u l-uffiċjali pubbliċi jagħmlu dmirijiethom fid-difiża t’Għawdex u tal-ambjent tiegħu.

Is-sitwazzjoni wasslitna f’xifer l-irdum u m’hemmx lok għal serħan il-moħħ, għat-tnikkir jew għal manuvrar politiku. Is-sitwazzjoni hija waħda ta’ disperazzjoni, u hemm bżonn tar-raġuni fil-politika tal-ippjanar u fid-deċiżjonijiet politiċi, sabiex jiġu evitati iżjed diżastri fil-gżira t’Għawdex.