Minkejja li kien diġà magħruf ma’ kulħadd li Yorgen Fenech kien sid il-kumpanija sigrieta 17 Black, illum meta jħares lura, l-Ministru tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis ma jgħidx jekk jiddispjaċihx li kontinwament kien jibgħat messaġġi mill-qrib lin-negozjant.
Fiċ-chats ippubblikati fuq l-internet mill-eks Delegat Laburista Mark Camilleri, il-Ministru Zammit Lewis wera kemm hu qrib Yorgen Fenech, tant li jgħidlu li jimmissjah u li jaħseb fih, filwaqt li kien jistiednu diversi drabi biex jiltaqgħu bejniethom fil-privat.
Madankollu, mistoqsi minn NET News jekk illum jiddispjaċihx li bagħat dawk il-messaġġi, l-Ministru tal-Ġustizzja ħarab milli jwieġeb u qal biss li l-messaġġi ntbagħtu fil-kuntest li, skont hu, “hu dak li hu”.
Fl-istess waqt, tħarbat fi kliemu stess meta mistoqsi mill-ġurnalisti dwar jekk dak iż-żmien kellux xi struzzjonijiet minn Joseph Muscat, qabel ma dan irriżenja minn Prim Ministru u ngħata t-titlu tal-aktar politiku korrott fid-dinja.
Għax filwaqt li f’nifs qal li ma kellu l-ebda struzzjoni minn fuq biex jikkomunika ma’ Yorgen Fenech, f’nifs ieħor jgħid li hu jirċievi biss struzzjonijiet mill-Prim Ministru, li jwieġeb lilu.
Fil-messaġġi żvelati fl-aħħar jiem, Edward Zammit Lewis iddeskriva lil-Laburisti bħala “injoranti”, ftit tal-jiem wara li ddeskrivihom bħala “ġaħan”. Barra minhekk, darba minnhom qal lill-allegat kompliċi fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia li hu “kburi” li jafu…. u li għalih, dawk li kienu fil-Kabinett Laburista kienu “tfal u pożi”.
Quddiem dan kollu, mistoqsi mill-ġdid mill-ġurnalisti, il-Ministru Zammit Lewis qal li ma jħossx li din is-sitwazzjoni timpedih mill-ħidma tiegħu.
Fiċ-chats li ġew żvelati, il-Ministru fil-Gvern ta’ Robert Abela kien jibgħat messaġġ wara l-ieħor lil Yorgen Fenech, minkejja li l-allegat kompliċi fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia ġieli injorah għal diversi jiem. Madankollu, dehret evidenti r-relazzjoni mill-qrib bejn iż-żewġ persuni, tant li Zammit Lewis qal li ħa pjaċir li ltaqa’ miegħu.
//= $special ?>