Lokali

“Erġgħu agħtu aċċess lill-pubbliku u lill-media għall-ħabs”

“Erġgħu agħtu aċċess lill-pubbliku u lill-media għall-ħabs ta’ Kordin”– hija din is-sejħa li saret minn Moviment Graffitti u tmien NGOs oħrajn waqt velja li saret b’tifkira tal-priġunieri li fl-aħħar snin mietu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Appellaw ukoll lill-Ministru Byron Camilleri biex jerfa’ r-responsabiltà politka.

Minn quddiem il-ħabs, l-għaqdiet fakkru li awtosospensjoni ta’ Alex Dalli mit-tmexxija tal-ħabs mhux se ġġib lil dawn il-vittmi lura.

Fost il-ħafna affarijiet li kien serjament kritikat fuqhom, il-Kurunell Dalli kien ukoll illimita l-aċċess għall-ġurnalisti u l-attivisti, u biddel il-ħabs ta’ Kordin fil-fortizza tiegħu stess u s-sejħa waqt din il-velja saret għaliex huwa evidenti li mingħajr aċċess għal Kordin, sar aktar faċli biex Dalli jmexxi l-ħabs mingħajr ebda sorveljanza fuqu nnifsu minn dawk fuq barra.

Il-messaġġ waqt din il-velja kien wieħed ċar u b’saħħtu fejn tfakkar kif il-pubbliku inġenerali għadu sal-lum fid-dlam dwar dak li qed jiġri wara l-bibien tal-ħabs. Ħadd għadu ma jaf x’wassal għal dawn l-imwiet, minkejja l-inkjesti interni li saru u għadhom qed isiru u kien għalhekk li Graffitti wasslu dan l-appell.

L-attivisti, issa qed jitolbu lid-direttur il-ġdid tal-ħabs Robert Brincau biex jerġa’ jagħti aċċess għall-ħabs kemm lill-NGOs kif ukoll lill-media għaliex fi kliemhom; “dan mhux biss se jservi biex l-amministrazzjoni tal-ħabs issir aktar trasparenti, iżda jimmarka t-tluq mill-metodi orribbli ta’ Dalli.”

Il-koalizzjoni tal-NGOs sejħet ukoll għal ambjent sigur u uman għall-priġunieri fejn appellaw biex il-ħabs ikun wieħed li verament jirriabilita lin-nies, mhux jittorturahom. Fuq kollox, appellaw biex tintemm is-sistema ta’ abbuż li nħolqot taħt Dalli, u jkunu evitati aktar mwiet.

Ħadu sehem f’din il-velja: Moviment Graffitti, Releaf, The Department of Inclusion and Access to Learning (University of Malta), KOPIN, Drachma, Studenti Ħarsien Soċjali, Prof. Andrew Azzopardi, Integra Foundation, SOS Malta, Aditus, Office of the Dean of the Faculty for Education, Alleanza Kontra l-Faqar.