Il-Partit Nazzjonalista kommess li jkompli jħares in-natura u l-pajsaġġ mill-isbaħ ta’ pajjiżna. U anke fejn jidħol l-ambjent…Gvern ġdid Nazzjonalista kommess li jkun il-bidla.
Illum wara nofsinhar il-Kap tal-PN Bernard Grech ingħaqad ma’ numru kbir ta’ familji għall-mixja organizzata mill-Partit Nazzjonalista fil-Park tal-Majjistral, fil-limiti tal-Mellieħa. Il-mixja bdiet mill-Manikata, u ħadet ir-rotta lejn il-qalba ta’ dan il-park – li kien wieħed mill-proġetti maġġuri li ħadem fuqhom Gvern Nazzjonalista fil-passat, meta l-ambjent tassew kien jingħata il-prijorità li jistħoqlu.
Għal din il-mixja kien hemm preżenti AnneMarie Grech, mart il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, it-tmexxija tal-Partit, deputati, kandidati kif ukoll diversi kunsillieri lokali li pparteċipaw f’din l-attivita’. Dan apparti familji u tfal li wieġbu għal din is-sejħa tal-PN, li qed jagħmel minn kollox biex tassew ipoġġi l-ambjent fuq l-aġenda nazzjonali.
Dan qed isir anke grazzi għall-grupp ta’ azzjoni PN Greens illi twaqqaf fl-aħħar ġimgħat.
Il-PN mhux joqgħod lura wkoll milli jippreżenta diversi proposti ambjentali, biex pajjiżna jidirizza tassew l-isfidi l-aktar urġenti li jolqtu direttament lil dan is-settur.





