Lokali

“Il-politika tal-PN se tibqa’ mibnija biex jissaħħaħ il-poplu Malti u Għawdxi” – Bernard Grech

"Il-PN se jibqa' jisma' u jiltaqa' man-nies biex ifassal il-politika tiegħu"

Il-PN se jibqa’ Partit pro-attiv, b’diskussjoni mal-poplu Malti u Għawdxi biex ikompli jfassal il-politika tiegħu, mibnija biex jitwettaq il-ġid lejn is-soċjetà. Dan qalu l-Kap tal-PN Bernard Grech meta kien intervistat fuq NET FM.

Proposti konkreti biex jissaħħu n-negozji Maltin

Meta mistoqsi dwar ż-żjarat li qed jagħmel ta’ kull ġimgħa lin-negozji, huwa qal li dejjem ikun ta’ pjaċir li jara kemm hu bieżel il-poplu Malti, iżda wkoll qed jifhem l-isfidi ta’ kull negozju.

Bernard Grech fakkar kif Gvern ġdid Nazzjonalista se jwessa’ l-faxxa ta’ eżenzjoni mill-VAT għal 60,000 ewro, fejn spjega li din tfisser tnaqqis qawwi ta’ burokrazija u allura, li s-sidien tan-negozji jqattgħu aktar ħin mal-familji tagħhom. U filwaqt li se jestendi l-faxxa tal-income tax li s’issa qegħda sa 60,000 għal 80,000, Gvern ġdid immexxi minnu joħloq fond ta’ 40 miljun ewro biex min jimporta l-materja prima jkun mgħejjun jesporta l-prodott maħdum.

Gvern li ma jippjanax, anki fl-infrastrutura

Dwar l-infrastrutura l-Kap tal-PN Bernard Grech qal li hija ħassra li ntefqu dawk il-miljuni kollha, biex tissolva l-problema tat-traffiku, iżda din baqgħet tippersisti. Huwa qal li rajna problemi mhux biss meta tkun ix-xita, iżda anki meta suppost kollox ikun normali. Bernard Grech tenna li jeħtieġ li jkun hemm pjanar tajjeb fl-infrastrutura ta’ pajjiżna, u li l-PN dan hu dak li se jagħmel meta jkun fil-Gvern, pjanar xieraq li jnaqqas l-inkonvenjenza u mhux iżid.

Dwar l-użu tal-kannabis Bernard Grech qal li il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista li jpoġġi l-interessi u l-ħarsien tat-tfal u ta’ dawk l-aktar vulnerabbli l-ewwel u qabel kollox. Huwa qal li l-PN kien strumentali biex l-użu tal-kannabis, f’ċertu metodi, jkun dekreminalizzat, iżda jeħtieġ li bħala pajjiż nirrealizzaw li liġi bħal din jekk tgħaddi, se tħalli riperkussjonijiet kbar, speċjalment fl-iżvilupp taż-żgħażagħ u tas-soċjetà t’għada.

“Il-Kummissarju għandu jinforma lill-poplu jekk Muscat hux ikun investigat

Bernard Grech qal li l-poplu għadu qed jinżamm fl-għama jekk l-eks Prim Ministru Joseph Muscat issejjaħx għal investigazzjoni jiem wara li kien żvelat kif dan ħa eluf ta’ ewro f’konsulenzi minn kumpanija Żvizzera li rċeviet miljuni mingħand Steward Healthcare waqt li kien qed jgħaddi għandhom id-deal tal-isptarijiet mingħand Vitals Global Healthcare.

“Il-Korp għandu jserraħ ras kulħadd li mhix il-ħuta ż-żgħira biss li tinqabad u tkun investigata”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li ma jistax ikun li l-politiku jibqa’ jaħrab il-ġustizzja u mhux biżżejjed li ngħidu li eks Prim Ministru għandu l-obbligu li jwieġeb għax l-istituzzjonijiet għandhom jitħallew jaħdmu.