Internazzjonali

Jitlef ħajtu waqt li kien qed jiddefendi anzjana

Il-mewta ta’ żagħżugħ ta’ 20 sena hija l-aħħar minn xena ta’ attakki b’sikkina fl-Ingilterra, hekk kif fi Brentford kien hemm attakk ieħor b’sikkina li ħalla persuna mejta u mara ta’ 82 sena tissielet għall-ħajjitha.

Skont diversi xhieda ż-żagħżugħ ta’ 20 sena pprova jipproteġi lill-mara ta’ 82 sena, bil-konsegwenza li tilef ħajtu. L-anzjana ta’ 82 sena ttieħdet l-isptar fejn ġiet iċċertifikata li għandha ġrieħi serji. Rapporti qed jindikaw li l-mara kienet sejra lura lejn darha meta sfat attakkata.

Raġel ta’ 30 sena jinsab arrestat b’rabta ma’ dan il-każ, bil-pulizija tiddikjara li dan ma kienx attakk terroristiku.

Fl-aħħar xhur, fl-Ingilterra kien hemm għadd ta’ attakki bħal dawn, b’attakk riċenti jkun fuq id-deputat parlamentari Sir David Amess eks membru tal-Partit Konservattiv fil-Gvern li spiċċa aggredit u maqtul b’daqqiet ta’ sikkina waqt li kien qed jiltaqa’ mal-kostitwenti tiegħu f’Belfairs.