Lokali

Il-Kunsill ta’ Ħad Dingli se joġġezzjona għall-iżvilupp fis-sit ta’ Natura 2000

Il-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli unanimament qabel li se jkun qed juża l-vot tiegħu biex joġġezzjona għall-proġett propost ta’ bini ta’ bungalows għat-turisti minflok il-kamra tan-nar eżistenti.

Il-Kunsill Lokali ddikjara li hu qed joġġezzjona għall-proġett fuq diversi punti, fosthom li ż-żona għandha valur ekoloġiku, li għandha valur imprezzabli għal estetika tal-madwar u li din hija żona tan-Natura 2000.

Fi stqarrija lill-media, il-Kunsill qal li l-assessment li sar mill-ERA huwa fjakk ferm meta wieħed iqis il-valur ekoloġiku kbir li għandu s-sit. L-assessment lanqas biss semma’ l-impatt fuq il-flora u l-fawna taż-żona u l-ħsara rriversibbli li se ssir lis-sistemi naturali tal-ilma kif ukoll lis-sistema tal-irrigrazzjoni b’wirt stroriku li ssaqqi l-art ta’ Wied Ħażrun u tal-madwar. Ir-rapport tal-awtorità jonqos ukoll li jsemmi l-light pollution li se jirriżulta mill-proġett propost f’żona daqstant sensittiva.

Il-Kunsill qed joġġezzjona anke għall-impatt viżwali ta’ dan l-iżvilupp f’post daqstant sabiħ b’mod naturali, kif ukoll semma’ dak li qed isejjaħ bħala l-kummerċjalizzazzjoni ta’ żona li għadha mhix mittiefsa.

Filwaqt li saħaq li l-kamra tan-nar preżenti m’għadhiex meħtieġa, il-Kunsill insista li l-art li tinsab fuqha għandha tingħata lura lin-natura filwaqt li terġa titreġġa’ lura għall-istat oriġinali tagħha, kif għandu jsir b’sit tant importanti u li suppost huwa protett.

Tags