Meta kien mistoqsi dwar Joseph Muscat waqt intervista li saritlu fuq 103FM mill-Professur Andrew Azzopardi, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà ma ta ebda dettalji dwar dak li għaddej fil-korp. Lanqas ma nafu jekk hux għaddejin investigazzjonijiet.
Issa li ilu 17- il xahar fit-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija, Gafà spjega li ħafna mill-kriminalità li hawn madwarna, qed tiswa ħafna minn flus il-poplu biex tkun investigata. Dan jinkludi fost l-oħrajn l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, li l-investigazzjoni fuqu għadha għaddejja.
Mistoqsi dwar l-aħħar protesti tal-għaqda Repubblika, fejn fost l-oħrajn appellaw biex ikunu investigati persuni bħal Konrad Mizzi, Keith Schembri u Joseph Muscat, il-Kummissarju qal li ma jistax jagħti l-opinjoni tiegħu bħal ma jista’ ħaddieħor.
Andrew Azzopardi staqsa b’mod speċifiku dwar każijiet bħal dawk ta’ Konrad Mizzi u oħrajn ta’ kariga għolja, jekk hux normali li jieħdu daqsekk żmien biex nisimgħu xi ħaġa dwarhom, iżda l-kummissarju ma ta ebda dettalji.
Fid-dawl tal-aħħar żviluppi mill-ħabs ta’ Kordin, fejn rajna ħafna mwiet u diversi stejjer xokkanti u l-fatt li issa Alex Dalli ssosspenda ruħu mit-tmexxija wara 14-il mewta f’Kordin… il-Professur Andrew Azzopardi staqsa dwar l-istess Kurunell Dalli. Pero hawnhekk ukoll ma ngħataw ebda dettalji.
Angelo Gafà kien mistoqsi wkoll biex jagħti aġġornaent dwar il-każ skandaluż li hu magħruf aktar bħala ‘racket’ fid-Dipartiment tal-Pulizija tat-Traffiku. Il-kummissarju saħaq li ma jistax jikkummenta dwar dan il-każ.
Intant, mistoqsija minn Andrew Azzopardi jekk jinvestigax kull allegazzjoni, saħansittra dawk li jsiru fil-media, Angelo Gafà qal li l-pulizija tinvestiga kollox.
//= $special ?>