Lokali

MDA tiddiżassoċja ruħha mill-miżura “diskriminatorja” tal-Gvern

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi (MDA) tiddiżassoċja ruħha mill-miżura mħabbra mill-Gvern dwar eżenzjoni mit-taxxi fuq it-trasferiment ta’ propjeta’ immobbli għal min għandu arretrati ta’ taxxa.

Din il-miżura, li daħlet fis-seħħ b’Avviż Legali ippubblikat fl-aħħar jiem, tagħmilha possibbli biex min għandu arretrati ta’ taxxa dovuta, ikollu l-eżenzjoni fuq taxxi dovuti fuq trasferiment ta’ propjeta’ bħala tpaċija għal dik l-istess taxxa dovuta.

Fi stqarrija, l-MDA sostniet li l-Gvern għandu jsib modi oħra biex jiġbor taxxa dovuta mingħajr ma’ joħloq kompetizzjoni inġusta bejn dawk li se jibbenefikaw minn din il-miżura u dawk li m’għandhomx arretrati.

L-MDA qalet li ma kienitx ikkonsultata dwar din il-miżura li tista’ ikollha impatt dirett negattiv fuq l-industrija minbarra li hi diskriminatorja fil-konfront ta’ taxpayers li m’għandhomx propjeta’ immobbli.

L-Assoċjazzjoni insistiet li din mhux forma ta’ amnestija fil-konfront tal-iżviluppaturi u qed tingħata impressjoni żbaljata u inġusta. Fil-fatt, l-iżviluppaturi iħallsu t-taxxi finali mal-iffirmar tal-kuntratt u għaldaqstant, it-taxxa tinqata’ mill-ewwel kif ikun ġenerat id-dħul mill-bejgħ tal-propjeta’.