Lokali

Alex Dalli jammetti ma’ Ministru li kien jhedded lil priġunieri b’pistola

Ritratt mill-arkivji

Il-gazzetta Illum żvelat li Ministru u xi Uffiċjali tal-Gvern semgħu minn ħalq Alex Dalli nnifsu kif kien jhedded lil priġunieri b’pistola f’ħalqhom. Dan hekk kif il-Ministru u l-Uffiċjali – li ma ssemmewx b’isimhom mill-gazzetta – ntlaqgħu fil-Faċilità minn Alex Dalli, akkumpanjat minn kelb kbir tal-għassa u armat bl-istess pistola.

Il-gazzetta kompliet li d-Direttur awto-sospiż tal-Ħabs ftaħar magħhom kif juża’ l-arma biex jhedded u skont hu jikkontrolla lill-priġunieri, partikolarment dawk li jqis bħala li ma jobdux. Spjegalhom li mhux l-ewwel darba li daħħal l-arma f’ħalq xi priġunier, filwaqt li semmielhom priġunier partikolari li safa vittma ta’ dan it-theddid ftit biss wara li sar Direttur tal-Ħabs.

Barra minhekk, matul l-istess żjara, Alex Dalli ħa lill-Ministru u lill-Uffiċjali tal-Gvern f’zona oħra tal-Faċilità fejn kienu qed isiru ċelel ġodda ta’ iżolament, fejn hu stess ra li jkollu kontroll tal-ilma. Dan biex ikun jista’ jħarrex il-kastig u jħalli lill-priġunieri jgħixu fil-ħmieġ tagħhom stess.