Lokali

ALEX DALLI: jissospendi ruħu… imma jibqa’ jdaħħal nofs il-paga

Il-Kurunell Alex Dalli aktar kmieni din il-ġimgħa ssospenda lilu nnifsu. Iżda issa ġie żvelat li huwa se jibqa’ jieħu nofs il-paga sakemm jibqa’ “awto-sospiż”.

Għal mistoqsijiet ta’ The Malta Independent, kelliem għal-Ministeru ta’ Byron Camilleri ikkonferma li l-Kurunell kontroversjali għadu qed jiġbor nofs il-paga li kellu.

Wara xhur sħaħ ta’ appelli lill-Gvern minn għadd kbir ta’ entitajiet u personi intiżi fil-qasam biex Alex Dalli jitneħħa mit-tmexxija tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, kellu jkun Dalli inniffsu li wara erbatax-il mewta fil-ħabs taħt it-tmexxija tiegħu iddeċieda li jwarrab temporanjament, bil-Prim MInistru Robert Abela u l-Ministru responsabbli Byron Camilleri it-tnejn jibqgħu ċassi quddiem dan kollu.

Issa l-poplu spiċċa qed iħallas minn butu nofs il-paga ta’ Dalli waqt li jistenna biex jara x’se jkun eventwalment id-destin tiegħu filwaqt li t-tmexxija tal-ħabs issa ingħatat f’idejn Robert Brincau li qed iservi bħala Aġent Direttur sakemm ikun deċiż min se jkun qed imexxi din il-faċilità fix-xhur li ġejjin.