Lokali

Diżinjatur Malti jlibbes kantanta rinomata

Diżinjatur tal-ħwejjeġ Malti, Jason Grech kellu l-opportunità li jiddiżinja u jlibbes lill-kantanta rinomata Awstraljana, Kylie Minogue… opportunità li qed iqis bħala ‘highlight’ fil-karriera tiegħu.

F’post fuq Facebook, Grech qal li minn mindu kien żgħir kien jammiraha u jsegwi l-mużika li toħroġ. U b’hekk, din l-opportunità għalih tfisser ferm iktar milli ħadd qatt jista’ jimmaġina. Hu saħaq li meta raha liebsa l-libsa li ddiżinja hu ma setgħax jemmen lil għajnejh tant li nfaqa’ jibki.

Hi libset din il-libsa waqt reklam tal-fwieħa li ħarġet hi stess… liebsa libsa lewn il-lelà twila sal-art biex taqbel mal-kulur tal-fwieħa stess.

https://www.facebook.com/jasongrech3000/videos/284282066916694

Grech ma jgħix hawn Malta iżda l-Awstralja. Madanakollu, hu għandu l-qraba tiegħu, saħansitra ommu stess li jgħixu hawn Malta. Hu mhux l-ewwel darba li esebixxi libsa tiegħu f’pajjiżna biex iwettaq ix-xewqa t’ommu.