Lokali

Imfakkra l-vittmi tal-gwerra f’Jum it-Tifkira

Pajjiżna fakkar lil dawk kollha li ssagrifikaw ħajjithom biex tinbet iż-żerriegħa tal-paċi wara żewġ Gwerer imdemmija; gwerrer li ħallew diversi vittmi.

Il-Ħadd filgħodu, fil-pajjiżi kollha tal-Commonwealth, inkluż Malta, ġie ċċelebrat Jum it-Tifkira, magħrufa wkoll bħala l-Poppy Day. Dan hekk kif, sa mill-1919 meta din it-tradizzjoni ingħatat bidu mir-Re Ġorġ V, f’din il-ġurnata jitfakkar jum il-waqfien mill-ġlied, sena qabel, tal-Ewwel Gwerra Dinjija.

Ftit qabel nofsinhar, saret iċ-ċerimonja ta’ tifkira biswit il-Monument tal-Gwerra fil-Furjana fejn matulha tqiegħdu diversi kuruni mal-monument mil-ogħla awtoritajiet tal-pajjiz u persuni distini fosthom il-Kap tal-Oppozizzjoni Bernard Grech. Dan filwaqt li l-Forzi Armati ta’ Malta u Kontinġent mill-Korp tal-Pulizija ffurmaw flimkien Gwardja tal-Unur għal waqt iċ-ċerimonja.

Ritratt: Martin Agius

Għal din l-okkażjoni saret quddiesa konċelebrata fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta mmexxija mill-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna fejn matulha saħaq dwar l-importanza li l-għażliet politiċi jkunu għaqlin. U insista li mhux il-gwerra biss taħtaf ħajjet in-nies.

Huwa sostna li hija traġedja li sal-lum il-ġurnata l-bniedem għadu jiżra’ l-mewt minflok jippromwovi il-ħajja, filwaqt li fakkar lill-politċi sabiex qabel ma jqiegħdu l-kuruni quddiem il-monumenti jistaqsu lilhom infushom x’għandhom jagħmlu għal ġid tal-poplu…. bl-Arċisqof jisħaq li rridu nżommu l-attenzjoni bil-għan li mhux jistgħanew il-ftit u jsofru l-ġuħ ħafna aktar.

Ritratt: Martin Agius

Qabel il-quddiesa, il-President ta’ Malta George Vella spezzjona l-Gwardja tal-Unur, maghmulha mill-Forzi Armati ta’ Malta u l-Banda tal-Forzi Armati.

Ta’ min ninnutaw li kawża taċ-ċirkustanzi preżenti, li ilna nħabbtu wiċċna magħhom għal dawn l-aħħar sena u 8 xhur, il-kontinġent tal-Forzi Armati u tal-Pulizija kienu ridotti għal numru minimu…l-istess il-banda tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Ritratt: Martin Agius
Ritratt: Martin Agius