Għawdex Lokali

Kunsillier Laburista tar-Rabat Għawdex għall-Qorti akkużat li ħebb għal Gwardjan Lokali

Fil-jiem li ġejjin, il-Kunsillier Laburista Għawdxi Michel Buttigieg mistenni jitressaq il-Qorti u jkun akkużat li f’nofs Ottubru li għadda ħebb għal Gwardjan Lokali wara li dan ġibidlu l-attenzjoni li ma setax iħalli l-karozza tiegħu ipparkjata quddiem il-Każin Laburista tar-Rabat, preċiżament fil-Pjazza tat-Tokk, għax f’dik iz-zona partikolari ma setgħux jitħallew karozzi pparkjati.

Michel Buttigieg hu Uffiċjal Għoli fil-Partit Laburista fil-gżira Għawdxija. Fil-fatt, flimkien ma’ Ġuża Cassar – anke jekk mhux dejjem jaraw għajn m’għajn – hu jmexxi l-ħidma tal-Partit Laburista fid-distrett.

L-inċident li wassal biex Michel Buttigieg se jispiċċa jiressaq il-Qorti, iffaċċjat b’numru ta’ akkużi serji, seħħ madwar xahar ilu meta dan ipparkja l-karozza tiegħu quddiem il-Każin Laburista tar- Rabat, Għawdex.

Gwardjan Lokali li kien qed jagħmel ronda fil-qalba tar-Rabat, avviċina l-karozza ta’ Buttigieg u wara ċertu ħin ma kellu l-ebda alternativa għajr li joħroġ ċitazzjoni, ladarba din il-karozza kienet ipparkjata ħażin.

Iżda f’mument minnhom, feġġ il-Kunsillier Laburista, li fost ħafna argumenti u rrabjat, beda jgħid lill- Gwardjan Lokali li hu kien Kunsillier fil-Kunsill Lokali tar-Rabat u kien fost dawk li ħadem biex f’dik iz-zona ma jipparkjawx karozzi fiha.

Bis-sitwazzjoni tkompli teskala, jidher li f’mument minnhom, Michel Buttigieg ħebb għall-Gwardjan Lokali u s-sitwazzjoni spiċċat quddiem il-Pulizija tar-Rabat, li fil-jiem li għaddew infurmat lill-Kunsillier Laburista li se jkollu jidher quddiem il-Qorti ta’ Għawdex l-Erbgħa li ġej.