Il-Partit Laburista ta’ Robert Abela qed jagħżel li jibqa’ sieket dwar x’se jagħmel b’Konrad Mizzi u jekk dan għadux membru Tesserat tal-Partit jew le.
Konferma ta’ dan is-skiet li jtarrax waslet ukoll wara li t-tmexxija tal-Partit irċeviet mistoqsijiet dwar dan mill-gazzetta The Malta Independent on Sunday, li iżda baqgħu mhux imweġbin.
Fil-fatt, il-gazzetta staqsiet jekk l-eks Ministru u eks Deputat Mexxej għadux meqjus bħala membru Tesserat tal-Partit Laburista u – jekk iva – hux se jitkeċċa, fid-dawl tal-involviment tiegħu f’diversi kuntratti skandalużi meta kien Ministru.
Konrad Mizzi kien magħruf qrib ħafna tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat li, fl-2019 ingħata t-titlu tal-aktar politiku korrott tad-dinja. Mar-riżenja ta’ Muscat, Mizzi appoġġja bis-sħiħ lil Robert Abela fil-ġlieda għal-Leadership Laburista.
B’rikonoxximent għal din l-għajnuna, Abela jidher li jinsab b’idejh marbutin u ma jistax jieħu passi fil-konfront tal-eks Deputat Mexxej Laburista. Fil-fatt, id-Deputati tal-Gvern fil-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi qed jagħmlu minn kollox biex jiddefenduh f’kull ċirkostanza possibbli.
Dan meta Konrad Mizzi għażel li jaħli erba’ ġimgħat mill-ħidma ta’ dan il-Kumitat Parlamentari billi jaħrab milli jixhed dwar il-kuntratt skandaluż tal-Electrogas. Wara erba’ ġimgħat, s’issa hu uża żewġ seduti biex jagħmel diskors partiġġjan u mimli tgħajjir, fost l-oħrajn kontra l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi.
Quddiem dawn l-aħħar żviluppi, il-Partit Laburista ta’ Robert Abela jinsab taħt pressjoni biex ikeċċi għalkollox lil Konrad Mizzi, fosthom anke minn membru Tesserat.
Madankollu, u kif indikat minn The Malta Independent on Sunday, it-tmexxija Laburista qed tħossha diffiċli tieħu dan il-pass, tant li baqgħet ma weġbitx direttament jekk l-eks Deputat Mexxej għadux membru Tesserat jew jekk hux se jitkeċċa.
//= $special ?>