Futbol Sport

Telfa oħra kbira għat-tim nazzjonali Malti

(Ritratt: Catriel Farrugia)

MALTA ……………… 0

SLOVAKKJA …….. 6

Malta: H.Bonello, Z.Muscat, K.Shaw, J.Borg (K.Micallef 78′), C.Attard, M.Guillaimier (S.Dimech 85′), T.Teuma, R.Camenzuli, J.Mbong (T.Caruana 85′), P.Mbong (B.Kristensen 55′), A.Satariano (L.Montebello 54′)

Slovakkja: M.Dubravka, M.Koscelnik (R.Bozenik 77′), L.Satka, M.Skirniar, D.Hancko (V.De Marco 70′), T.Suslov, A.Rusnak, S.Lobotka (J.Hromada 70′), O.Duda, L.Haraslin(R.Mak 61′), D.Strelec (L.Almasi 61′)

Referee: F.Jovic

Fl-Istadium Nazzjonali t-tim nazzjonali Malti kien megħlub mill-Islovakkja bl-iskor kbir ta’ 6-0, biex b’hekk temm l-impenji tiegħu fi Grupp H tal-fażi ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-Qatar b’5 punti fl-aħħar post.

Fir-raba’ minuta l-unika azzjoni perikoluża għat-tim Malti meta wara pass ta’ Teddy Teuma, Paul Mbong għadda lejn Alex Satariano li kien mwaqqa’ fil-kaxxa minn David Hancko, fost protesti għall-penalty li kienu mxejjna mir-referee. Madanakollu, minuta wara kienu s-Slovakkja li marru fil-vantaġġ meta David Strelec għadda lejn Albert Rusnak, li b’konklużjoni fil-baxx għeleb lil Henry Bonello għal 1-0. Intant mat-8 minuti logħob, is-Slovakki għamluhom tnejn meta minn cross ta’ Tomas Suslov, kien Ondrej Duda li bir-ras tefa’ fix-xibka għal 2-0.

Fis-16-il minuta t-tim Slovakk jiskorjaw it-tielet gowl, meta reġa’ kien Albert Rusnak li b’xutt minn barra l-kaxxa kkonkluda fix-xibka għal 3-0. Fit-30 minuta azzjoni oħra għall-Islovakkja meta Henry Bonello salva tajjeb fuq konklużjoni ta’ Lukas Haraslin. Lejn tmiem l-ewwel taqsima s-Slovakkja kienu viċin ir-raba’ gowl meta d-difensur David Hancko żmarka ruħu fil-kaxxa, b’Henry Bonello joħroġ u jsalva tajjeb. Mal-ftuħ tat-tieni taqsima it-tim Malti spiċċa jilgħab b’għaxar plejers meta Ryan Camenzuli ntwera t-tieni karta safra għal foul li kkometta fuq Tomas Suslov.

Fil-50 minuta Malta sfaw jilagħbu b’disa’ t’iplejers meta Teddy Teuma intwera l-ewwel karta safra għal foul fuq Tomas Suslov, bir-referee jurih it-tieni karta safra fl-istess azzjoni wara li xuttja l-ballun b’diżapprovazzjoni għad-deċiżjoni. Minn hawnhekk kompla l-assedju tat-tim Slovakk b’Henry Bonello jkollu jwettaq diversi saves.

Fil-55 minuta żewġ azzjonijiet perikolużi oħra għas-Slovakki, b’Henry Bonello l-ewwel isalva l-konklużjoni ta’ Ondrej Duda, bil-ballun jaqa’ f’saqajn Lukas Haraslin, li ra x-xutt tiegħu maqlugħ minn fuq il-linja mill-istess Bonello. Fil-61 minuta, Henry Bonello għal darb’oħra ħareġ tajjeb biex salva l-konklużjoni mill-viċin ta’ David Hancko.Fit-68 minuta s-Slovakkja skorjaw ir-raba’ gowl tagħhom meta minn Tomas Suslov għadda tajjeb fil-kaxxa u qassam lil Ondrej Duda, li mill-viċin ma żbaljax għat-tieni gowl tiegħu.

Tliet minuti wara s-Slovakki għamluhom ħamsa, meta minn cross fil-baxx ta’ Ondrej Duda, kien Vernon De Marco li b’xutt b’saħħtu fil-baxx għeleb lil Bonello għal 5-0. Fit-80 minuta jasal is-sitt gowl għall-Islovakkja meta minn cross għal darb’oħra ta’ Suslov, kien Ondrej Duda li mill-viċin tefa’ fix-xibka għal hat-trick personali.