Lokali

Tfajla l-isptar wara li karozza f’Ħal Far spiċċat f’ħajt minħabba ħsara teknika

Raġel ta’ 29 sena u tfajla ta’ 14 sofrew xi ġrieħi lbieraħ waranofsinar.

Huma weġġgħu f’inċident f’Ħal Far meta r-raġel kien qed isuq karozza fit-trakka ta’ Ħal Far.

Il-vettura li kien qed isuq jidher li żviuppatilha ħsara teknika u l-parachutes li jinfetħu meta s-sewwieq jgħafar il-brejkijiet ma nfetħux bil-konsegwenza li baqa’ dieħel f’ħajt. Minbarra li weġġa’ s-sewwieq, tfajla li kienet wara ċ-ċint sofriet ġrieħi wkoll meta ntlaqtet minn debris li tar sforz il-kolliżjoni.

Immedjatament fil-post issejjaħ tim mediku li assista liż-żewġ żgħażagħ kif ukoll membri tal-Protezzjoni Ċivili biex jgħinu fl-operazzjoni.

Filwaqt li s-sewwieq ma kellux bżonn ta’ kura fl-isptar, it-tfajla ġiet rikoverata Mater Dei fejn hemmehkk ġiet iċċertifikata li sofriet ġrieħi gravi.

Dwar l-inċident infetħet inkjesta maġisterjali sabiex ikun stabbilit dak li seħħ.