Internazzjonali

TIBDIL FIL-KLIMA: Diżappunt dwar il-ftehim milħuq fil-COP26

Ġimgħatejn ta’ diskussjonijiet u diżgwidi, u  sigħat twal ta’ negozjati wasslu biex il-ftit inqas minn 200 pajjiż jiħqu ftehim dwar kif għandha tkun indirizzata l-kriżi fil-klima.

Is-summit tal-aħħar jiem kien magħruf bħala COP26, għaliex din hija s-26 darba li l-197 pajjiż li jiffurmaw il-Conference of Parties inqgħadu biex jiddiskutu t-tibdil fil-klima.

Dak maqbul fl-aħħar ħin ġie deskritt minn uħud bħala l-aktar patt sinnifikanti mill-ftehim importanti ta’ Pariġi. Madankollu kritiċi tal-patt qalu li l-ftehim li ntlaħaq mhuwiex dak tant mistenni u mixtieq.

Tibdil fl-aħħar ħin fit-tifsira tal-kliem fossil fuels fisser li mhux il-pajjiżi kollha kienu sodisfatti bil-ftehim, bil-President tal-COP26 Alok Sharma, f’diskors imqanqal ħafna fejn saħansitra kellu jieħu pawża hu u jikellem, jitlob apoloġija għall-mod kif żvolġa l-proċess filwaqt li qal li kien vitali li jkun protett il-ftehim sħiħ.

Alok Sharma President tal-COP26

L-Iżvizzera kienet fost il-pajjiżi l-aktar voċiferi, li tkellmet dwar diżappunt profond għall-mod kif il-ftehim oriġinali ddgħajjef fejn jidħol il-proċess biex il-faħam jiġi mwarrab mill-użu. Mal-Iżvizzera, ingħaqdu fost l-oħrajn il-Liechtenstein, il-Messiku u l-Marshall Islands. L-argument tagħhom huwa li l-mod kif inbidel il-ftehim se jagħmilha ferm aktar diffiċli li d-dinja iżżomm mal-mira tal-1.5 gradi.