Waqt il-maratona ġbir ta’ fondi b’risq Caritas Malta inġabret is-somma ta’ €268,196 f’għajnuna għal dawk il-persuni fil-bżonn biex joħorġu mill-vizzji qerrieda.
Il-Maratona, bl-isem ta’ Maratona ta’ Mħabba bil-Qalb Kollha, ixxandret bejn nofsinhar u nofsillejl fuq l-istazzjonijiet kollha lokali, fosthom NET Television.
Fost l-istejjer kien hemm dik ta’ Gianella, li nħakmet mill-vizzju tad-droga u għal xhur sħaħ sparixxiet u ħadd ma kien jaf fejnha. Ommha saħqet li grazzi għall-Caritas reġgħet sabet lit-tifla li kienet taf darba.
Minħabba l-vizzji, numru ta’ persuni jispiċċaw jitilfu dak kollu li jkunu ħadmu għalih tul is-snin … u saħansitra jispiċċaw ibatu l-ġuħ, hekk kif il-flus jagħżlu li jonfquhom fuq il-vizzji.
Din is-sena Caritas Malta qed tiċċelebra t-53 sena mit-twaqqif tagħha, li matulhom dejjem rat li twassal u tindirizza l-ħtiġijiet tas-soċjetà; ħidma favur ġustizzja soċjali biex il-faqar ikun eradikat u l-emarġinati jkunu mgħejjuna b’kull mod possibli.
B’hekk, il-viżjoni ta’ Monsinjur Victor Grech tkompli tissaħħaħ b’voluntieri u professjonisti fil-qasam, kif ukoll ħidma li tiffoka b’mod speċjali fuq ir-rijabilitazzjoni terapewtika mill-abbuż ta’ droga … ħidma li tagħha Caritas Malta hi pijuniera.