Lokali

Tuneżina titlef ħajjitha wara li ttajret fix-Xemxija

Ilbieraħ, għall-ħabta tat-8:00pm, il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident tat-traffiku f’Telgħet ix-Xemxija, San Pawl il-Baħar.

Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li Tuneżina ta’ 30 sena ntlaqtet minn vettura tat-tip Mercedes misjuqa minn raġel ta’ 42 sena residenti l-Mellieħa. Il-Mercedes imbgħad ħabtet f’erba’ vetturi li kienu pparkjati fl-istess triq.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku u membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu iżda sfortunatament il-mara kienet iċċertifikata mejta fuq il-post.

Raġel Tuneżin li kien mal-vittma kif ukoll ix-xufier tal-Mercedes ittieħdu permezz t’ambulanza l-Isptar Mater Dei sabiex jingħataw l-kura meħtieġa. Aktar tard, huma ġew iċċertifikati bi ġrieħi ħfief.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Lara Lanfranco, li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistu.

L-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett għadhom għaddejjin.