Lokali Qorti

Afgana tammetti li ġiet Malta b’dokumenti foloz: Qed titlob għal status ta’ refuġjata

Mara Afgana ngħatat sentenza sospiża wara li ammettiet quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke li waslet Malta mill-Greċja permezz ta’ dokumenti foloz li jinkludu żewġ passaporti u żewġ permessi ta’ residenzi. Jamila Abdullahi ta’ 47 sena li tressqet mill-Ispettur Christian Abela hija minn Herat, 836 kilometru distanza mill-kapitalu Kabul, waslet Malta nhar il-Ħadd li għadda.

L-Avukat tal-għajnuna legali Mario Caruana qal fil-qorti li dak li għamlet il-mara huwa riżultat ta’ dak li tinsab għaddejja minnu. Tenna l-kelma Afgana llum tnissel biża kbira fl-ispina ta’ kull mara. “Riedet tingħaqad mal-familja tagħha u fil-fatt hija se tapplika għal status ta’ refuġjata u dan sabiex l-awtoritajiet jagħtuha permess li tingħaqad magħhom. Hemm il-ħtieġa wkoll li tibda tieħu ħsieb lil binha ta’ 10 snin,” qal l-Avukat Caruana.

Qabel ma ngħatat is-sentenza, l-Avukat Caruana qal li l-klijenti tiegħu qed tappella għall-umanità tal-Qorti. Kompla jgħid li l-mara għaddiet minn ħafna u kellha esperjenzi ferm koroh u kull ma trid huwa ħajja aħjar għaliha u għal binha. Bħalissa hija tinsab miżmuma flimkien ma’ binha fiċ-ċentru miftuħ tal-Marsa.

Wara li l-qorti semgħet lill-prosekuzzjoni u d-difiża jagħmlu s-sottomissjonijiet tagħhom dwar il-piena fejn kien hemm qbil li l-mara m’għandhiex tingħata piena ta’ ħabs effettiv, il-Qorti ikkundannat lil Abdullahi tmien xhur ħabs sospiżi tliet snin.