Lokali

Aktar proposti favur l-anzjani

Jekk hemm xi ħaġa li l-Partit Nazzjonalista issa sar sinonimu magħha hija l-ammont ta’ proposti li kontinwament qed joħroġ – proposti li huma direttament iffukati biex jagħmlu l-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin aħjar, u jzommu lill-bniedem fiċ-ċentru tal-politka.

Filfatt, fl-aħħar jiem, ma din il-lista twila ta’ proposti, żdiedu proposti li ħarġu mill-cluster tal-Anzjanità Attiva.

Gvern ġdid Nazjonalista’qed iwiegħed lil dawk li jkomplu jaħdmu wara l-eta’ ta’ l-irtirar li d-dħul mill-pensjoni mhux se jkun intaxxat. Dħul sa massimu ta’ €15,000 ma jkunx aktar taxxabli.

Sabiex ikompli jsaħħaħ il-ġustizzja soċjali, Gvern Nazzjonalista ser jagħti tnaqqis ta’ 50% fl-ispiza tal-kera tal-meters tad-dawl u l-ilma lid-djar kollha fejn hemm reġistrati biss persuni pensjonanti.

L-anzjani li għandhom kundizzjoni li tintitolahom għall-għajnuna fl-għoti tal-mediċini u jkollhom bżonn jixtru mediċini li ma jinstabux fuq il-formolarju jew għaliex dawk provduti mill-Gvern ma jkunux jaqblu magħhom, ser jingħataw lura persentaġġ fuq il-ħlas tal-mediċini li jixtru.

Gvern Nazzjonalista jirdoppja l-għajnuna preżenti għal-Carer Allowence. U se jżida għal €192 fil-ġimgħa. Filwaqt li dik tal-Assistenza għal Carer Miżjuda tiżdied għal €288 fil-ġimgħa. Dan ser ikun japplika kemm għall-anzjani kif ukoll persuni b’diżabbilita.

Il-PN fil-Gvern iwiegħed li jidħol għan-nefqa’ sħiħa ta’ full time carer fid-dar – sa massimu ta’ €12,000 fis-sena, għall-anzjani u persuni b’diżabbilita’ fejn is-servizz ikun meħtieġ 24 siegħa kollha.

Wegħda oħra hija l-inċentiva lill-kumpaniji li jipprovdu l-internet biex iniżżlu l-ispiża bażika tas-servizz tal-internet fid-djar tal-anzjani għal €5 fix-xahar.

Gvern ġdid tal-PN ser jaħdem ma’ NGOs u għaqdiet oħra biex iwaqqaf helpline dedikat biex jiggwida lill-anzjani fl-użu tas-servizz tal-internett u diversi applikazzjonijiet u servizzi li jistgħu jaċċessaw online.

Tags