Lokali

“Bidla b’viżjoni li hija possibbli” – Bernard Grech

Aħna rridu relazzjoni ġdida – aħna ser inmexxu bidla b’viżjoni li l-iskop ewlieni tagħha tkun li nirrispondu – IVA.

IVA – Gvern ġdid nazzjonalista ser iħalli ambjent aħjar milli nsibuħ is-sena d-dieħla.

IVA – Gvern ġdida nazzjonalista ser iħalli reputazzjoni ferm u ferm aħjar minn dak li kissirtu intom – fejn noħorġu mill-misħuta lista l-griza.

IVA – Gvern ġdid nazzjonalista ser ikun qed imexxi soċjeta aktar ġusta – fejn l-opportunitajiet qeghdin hemm ghal kulħadd u fejn min hu kbir jista’ jaħdem imma min hu żgħir jista’ jikber

Hekk stqarr l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech f’diskors fil-Parlament fejn ta ħarsa lejn is-sitwazzjoni kurrenti f’Malta u l-viżjoni tal-PN għall-preżent u l-futur.

Bernard Grech qal li l-istat li jinsab fih pajjiżna qiegħed igerrex liż-żgħażagħ minn art twelidhom.

“Din hija r-responsabbiltà tiegħek Prim Ministru – inti qed taċċetta u tinkoraġġixxi gvern jinten bil-korruzzjoni, jinten bl-abbuż tal-poter, jinten bl-ineffiċjenza u l-inkopetenza mgħottija ta kuljum mill-mezzi li ħkimtu taħt idejkom”

Bernard Grech qal li, b’kuntrastm il-PN se jwettaq politika fejn kulħadd jista’ jasal.

Għalija inti tista tkun Laburist u ngħinek, tista’ tkun ma tivvotax u ngħinek – tista’ tkun Nazzjonalist u ngħinek bil-qalb – tista’ tkun xi tkun u min tkun, aħna se ngħinuk timxi ‘l quddiem, tavvanza fil-karriera u permezz tiegħek Malta timxi wkoll ‘il quddiem.

Huwa qal li l-PN jemmen fil-ħaddiema Maltin u fil-prodott lokali, u għalhekk qed joffri politika differenti biex il-poplu jkun jista’ jikkompeti.

“Il-bidla b’viżjoni li jrid il-Partit Nazzjonalista hi ntiża anki sabiex tgħin u ssaħħaħ l-intrapriżi lokali f’Malta u li anki twassal lil diversi kumpaniji sabiex jibdew jesportaw aktar lejn swieq barranin, sabiex permezz ta’ hekk ikabbru l-operat u l-profitti tagħhom

Dwar l-edukaturi u l-ħaddiema tas-saħħa, il-Kap tal-Oppozizzjoni qal li l-politika tal-PN se tibqa’ tkun wahda li tinkoraġġixxi lil dawn il-professjonijiet.

Għall-għalliema, professjonisti, ħaddiema fis-saħħa u l-infermiera irridu wkoll riforma integrali tal-karriera li tibda minn paga aħjar u tavvanza aktar malajr. Fil-qasam tas-saħħa ser nagħrfu tajjeb il-prijoritajiet tagħna – Gvern Gdid Nazzjonalista, minflok jonfoq 6 miljuni bonus lil Ram Tumnuluri – sitt miljuni jagħtihom lin-nurses tagħna”.

Fid-diskors tiegħu, il-Kap tal-PN fakkar ukoll kif l-użu tal-kannabis ilu snin li ma’ baqax reat punibbli b’ħabs.

“Ħalli nagħmila ċara kristall – aħna vvutajna favur id-dekriminalizzazzjoni tal-pussess tal-mariwana – ma rrid nara l-ebda żagħżugħ jgħaddi martirju bil-kondotta maħmuġa għax inqabad b’joint – imma bl-istess mod ma rridx inkun jien li nispega lill-ġenituri inkwetati li t-tfal tagħhom ħadu l-messaġġ li li tieħu d-droga hija xi ħaġa li jinkoraġġixxi l-istat

Bernard Grech għalaq id-diskors tiegħu billi fakkar illi hu jibqa’ impenjat li l-flus li nsterqu mill-kontijiet tad-dawl, se jkun qed iroddhom lura, u li l-politika tal-PN se tkun waħda onesta u ta’ ġustizzja soċjali.

Il-poplu qed jgħajjat għal politika differenti – għal politiċi differenti kompletament – u aħna dak li ser nagħmlu – Gvern ġdid Nazzjonalista ser jibda biex qabel kollox ikollna parlament li jaħdem aħjar.