Lokali Qorti

DJ akkużat bi stupru jingħata l-libertà proviżorja, xahar wara l-arrest tiegħu

DJ Kolumbjan akkużat bi stupru ngħata l-libertà proviżorja kontra garanzija ta’ €40,000, wara li qatta’ xahar f’kustodja preventiva. Ir-raġel ta’ 32 sena, li ma jistax jissemma fuq ordni mill-qorti, kien tressaq il-Qorti fit-13 ta’ Ottubru, akkużat li pperswada mara, li kienet talbitu ftit qabel biex idoqqilha kanzunetta fi stabbiliment, biex tmur fid-dar tiegħu f’Paceville u wara ġiegħela bil-forza biex tagħmel sess miegħu.

Wara li nżamm taħt arrest preventiv, l-uffiċċju legali il-ġdid tiegħu, permezz tal-avukati Roberto Montalto u Roberto Spiteri kienu ressqu rikors għal libertà proviżorja fil-Qorti Kriminali. L-Avukat Ġenerali kien oġġezzjona għat-talba għall-ħelsien mill-arrest, u sostna li kien hemm riskju reali li l-akkużat jaħrab peress li ma kellu ebda rabtiet mal-gżira.

Madankollu f’digriet li ngħata l-Ġimgħa, 12 ta’ Novembru, l-Imħallef Edwina Grima osservat li sa dak iż-żmien, il-vittma u xhieda ċivili oħra kienu xehdu. It-tfajla tal-akkużat, ta’ nazzjonalità Ġermaniża kienet offriet ukoll li taġixxi bħala garanti għall-Kolumbjan.

Il-Qorti ħelset lir-raġel mill-arrest, u ordnatlu biex ma jikkuntattjax lill-vittma jew lix-xhieda tal-prosekuzzjoni u li ma jagħmilx reat volontarju ieħor waqt li jkun fuq il-libertà proviżorja. Huwa għandu jiffirma fl-għassa tal-Pulizija ta’ San Ġiljan kuljum u josserva curfew. Il-libertà proviżorja tiegħu hija garantita b’depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €30,000.