Ekonomija Lokali

Favur l-investiment, imma kontra t-tberbiq tal-flus

“Il-PN huwa favur kull nefqa u miżura li tgħin iż-żieda fl-investiment u li tgħin lill-ħaddiem… imma kontra kull miżura li hija biss tberbiq ta’ flus.” – Dan kien il-messaġġ tal-PN li ħareġ waqt konferenza tal-aħbarijiet rigward l-estimi tal-Budget ghas-setturi tal-Finanzi u l-Ekonomija – konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata mid-Deputati Mario De Marco, Kristy Debono u Jason Azzopardi

Fil-messaġġ tiegħu, il-Kelliem tal-PN għall-Finanzi, Mario De Marco staqsa jekk din hux Malta li wliedna rridu li inħallulom… Malta li ż-żgħażagħ qed jgħidu li ma jridux jgħixu fiha… Malta bil-mażra tal-greylisting ma’ saqajha u Malta mifniha bid-dejn minħabba nuqqas ta’ pjanar u tberbieq ta’ flus. Mario De Marco spjega kif id-dejn pubbliku, sas-sena 2024 se jirdoppja ghal aktar minn 10.6 biljun ewro. B’kuntrast ma’ dan, il-PN qed jipproponi politika fiskali … b’gustizzja socjali, incentivi ghan-negozji u investiment sostenibbli, li jahseb ukoll fl-ambjent; politka mifruxa fuq tliet pilastri: ir-riżors uman, il-governanza tajba u sostenibiltà.

Il-Kelliem tal-PN għall-Ekonomija, Kristy Debono, fakkret kif il-Gvern għadu ma tana ebda viżjoni ekonomika tanġibbli. Kristy Debono qalet li l-PN irid li pajjizna jsir kompetittiv, inaddaf ir-reputazzjoni u jinvesti f’setturi ġodda li jrendu bħall-Fintech, l-Inteligenza Artificjali, ir-robotika u l-green economy… setturi li jħallu valur miżjud u żvilupp ekonomiku.

Il-Kelliem tal-PN għax-Xogħol, Jason Azzopardi minn naha tieghu fakkar kif il-Gvern nesa lill-eluf ta’ ħaddiema li qed jgħixu fil-prekarjat. Jason Azzopardi qal li l-PL tilef il-kuxjenza socjali u qed jibqa’ ma jagħtix kas l-pjaga tal-għoli tal-ħajja.  Hawnhekk, hu fakkar fil-ħafna proposti li qed joħroġ il-PN biex itaffi minn din il-pjaga fosthom fond ta’ 40miljun ewro, direttament intiż biex jindirizza din il-problema.