Lokali Parlament

Gvern Nazzjonalista se jwieġeb għas-sejħa tal-familji, tal-ħaddiema u taż-żgħażagħ u jagħtihom mill-ġdid is-serħan tal-moħħ

  • Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’diskors fil-Parlament waqt l-Estimi għall-Baġit wiegħed li Gvern Nazzjonalista se jkun qed iwieġeb għas-sejħa tal-familji, tal-ħadiema, tan-negozjanti, tas-self-employed u taż-żgħażagħ u jagħtihom mill-ġdid pajjiż fejn ikun jirrenja s-serħan tal-moħħ, korrettezza u li l-affarijiet isiru mhux skont min int, imma skont il-kapaċitajiet, it-talenti u l-bżulija.

Bernard Grech beda biex qal li l-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, imma anki bid-dinjità u filwaqt li rringrazzja lid-Deputati kollha Nazzjonalisti għall-impenn politiku tagħhom fil-Parlament biex iżommu skrutinju fuq l-operat tal-Gvern qal li hu importanti ħafna li l-istess Deputati jibqgħu jżommu lill-Gvern akkontabbli għal dak kollu li jkun qed jagħmel.

Għaliex spiss il-Gvern Laburista jkun għaddej minn amneżija kollettiva, inkluż il-Back Benchers Laburisti, għaliex huma wkoll iżommu ħalqhom magħluq quddiem l-abbużi li qed iseħħu madwarna.

Il-Partit Nazzjonalista se jkompli juri lill-poplu l-qerq li qed iwettaq il-Gvern Laburita li min-naħa tiegħu hu impenjat biex inessi lin-nies mill-wegħdiet tiegħu.

Bernard Grech fakkar li kienu wiegħdu li se jservu u mhux li se jisservew. Illum kulħadd jaf li “intom tisservew u mhux isservu.” Eżemplju klassiku hi d-Deputat Laburista Rosianne Cutajar li dabbret €9,000 fil-but bla ma huma ddikjarati mkien. Mela ċ-ċittadini iridu jiddikjaraw kull ċenteżmu, iżda d-Deputata Rosianne Cutajar iddaħħal €9,000, ma tiddikjarahom u ma jiġri xejn.

“Il-Prim Ministru tal-kontinwità ma jridx jisma’ bl-appell tal-Oppożizzjoni. Min jagħmel dawn l-affarijiet u jinstab ħati ma hux postu fil-Parlament. Il-Prim Ministru ħalliha ma’ djulu. Dak hu l-eżempju li qed jagħti l-Prim Ministru?”

Tkellem ukoll dwar il-Ministru Edward Zammit Lewis li nqabad jibgħat messaġġi lil allegat kriminal li, fost l-oħrajn, hu involut f’korruzzjoni li tammonta għal eluf kbar ta’ ewro. U dan il-Ministru tal-Governanza Tajba jrid jimplimenta l-Inkjesta li tgħid li għandu jkun hemm l-implimentazzjoni tas-save guards! Imma mbagħad lil Yorgen Fenech bgħatlu messaġġi u jgħidlu “Kemm immissjajtek”, “Kemm inħobbok”…

Filwaqt li staqsa jekk fadalx xi ħadd hemm barra li jieħu lill-Gvern Laburistabis-serjetà, Bernard Grech qal li anki l-Partit Laburista ried li jdaħħal mal-€200,000 mingħand dan in-negozjant!

“Tibqgħu ggranfati mal-poter għaliex hu l-uniku mod kif tibqgħu ma tkunux investigati. Ebda onesta politika. Ara kemm sirtu pjetużi. U twaħħlu fil-maltemp ta’ Sqallija u fil-weraq li sadd it-toqob meta issa anki pajjiżna minkejja x-xogħlijiet li saru spiċċa għereq wara x-xita li għamlet!”

Il-poplu qed jinduna li l-Gvern Laburista ma jistax jibqa’ għaddej b’dan ir-ritmu ta’ abbużi u serq. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista ressaq dan il-Protest Ġudizzjarju dwar il-kuntratt frewdalista ma’ Vitalis u issa ma’ Steward. Qed tisirqu l-flus minn fuq dahar il-Maltin.

Il-Partit Nazzjonalista mhux se jħalli lill-Gvern jagħmel li jrid. Iż-żgħażagħ stess qed jgħidulkom “xbajna” minn dawn il-politiċi korrotti, jintnu bil-korruzzi, bl-abbuż ta’ poter u bl-ineffiċjenza.

Tibqgħu tużaw l-Istazzjon Nazzjonali biex taħbu l-veritajiet.

Prim Ministru kontrollat minn dak li poġġieh hemm. Joseph Muscat li daħħal €60,000 f’konsulenzi mill-Vitals li ħadet b’xejn tliet sptarijiet tal-poplu Malti u Għawdxi.

Il-ħaddiem idum is-snin biex jaqla’ €60,000, iżda l-Gvern Laburista ma jagħmel xejn dwar il-konsulenzi ta’ Joseph Muscat. X’qed tistenna biex tikkundanna dan l-abbuż u dan l-aġir? Aktar ma taħsibha biex tikkundanna, il-poplu aktar jiftakar f’dak li qed Joseph Muscat li lest jerġa’ jiġi u jeħodlok postu, qal Bernard Grech.

Hemm imbagħad Konrad Mizzi li dak li sal-lum jipprova jaħrab mill-verità. Hemm ukoll il-Ministru Justyne Caruana li tat kuntratt ta’ €15,000 lill-footballer favorit tagħha. Il-Prim Ministru wiegħed azzjoni, iżda issa sirna nafu li l-kuntratt baqa’ għaddej.

Dak hu l-eżempju li qed jagħtu l-politiċi fuq in-naħa tal-Gvern. M’hux ta’ b’xejn li għandna ż-żgħażagħ irrabjati għall-Gvern u jarawx futur f’pajjiżna. Magħhom flimkien ma’ negozjanti li jippruvaw jagħmlu xi negozju, iżda jsibu l-bibien magħluqa, fisser Bernard Grech.

Hu kompla li l-ingustizzji huma kontinwi f’dan il-pajjiż. Inġustizzji li ġejjin minn Gvern Laburista li jintenn.

Il-poplu jrid politiċi differenti. Gvern ġdid Nazzjonalista se jibda billi jassigura li jkollna Parlament li jaħdem aħjar u b’parlamentari li jaħdmu full-time.

“Hemm bżonn li jkollna Parlamentari serji u li jaħdmu u li jagħmlu r-riċerka u li jkunu mħallsa għall-ħidma li jwettqu. Spiċċa ż-żmien f’pajjiżna li xi ħadd jagħmel xi ħaġa u ma jkunx speċjalizzat. Irridu ninvestu f’dan il-Parlament b’parlamentari full-time.”

Dan il-Gvern hu aljenat wisq jiffoka fuq l-affarijiet tiegħu biss u nesa’ lil dawk li jipproduċu, lis-self-employed u lin-negozjant Malti. Il-Partit Nazzjonalista jemmen fil-prodott Malti. Hemm bżonn ta’ viżjoni ġdida li ssaħħaħ l-operat Malti li jkun jista’ jesporta b’suċċess.

Il-pilastri tal-pajjiż huma dawk li jipproduċu l-prodott Malti, l-imprenditur u l-ħaddiem Malti.

Il-Partit Nazzjonalista għandu l-proposti tiegħu biex jgħin lill-Maltin jesporta u jikkompeti. Il-Malti ma jridx favur speċjali, iżda jrid ambjent fejn jista jikkompeti b’suċċess.

Lis-self employed u lil dawk kollha li sejrin tajjeb, il-Partit Nazzjonalista jgħidilhomli mal-Partit Nazzjonalista se jibqgħu mexjin tajjeb. Dan hu l-istess messaġġ lill-ħaddiem Malti kif ukoll lil dawk kollha li spiċċaw twarrbu.

Hu importanti li nkomplu ninvestu fil-ħiliet tal-Maltin. Kull persuna għandu valur straordinarju. Irridu niġġieldu kontra l-prekarjat, kontra ċ-cheap labour u kontra l-għoli tal-ħajja.

Kull xogħol għandu valur kbir u għalhekk irridu niżviluppaw il-ħiliet tal-ħaddiema. Irridu ninvestu f’aktar edukaturi u ħaddiema li jservu fil-qasam tas-saħħa. Aħna ninvestu fl-istudenti u mhux biex insoddu t-toqob bikom kif qed jagħmel dan il-Gvern Laburista.

Gvern ġdid Nazzjonalista flok ma’ jagħti €6 miljuni lil Tumuruli tal-Vitals, jinvesti aktar fuq ir-riżorsi umani fil-qasam tas-saħħa, fosthom lill-front liners li ġġieldu b’dedikazzjoni kbira lill-pandemija.

Sebgħin fil-mija taż-żgħażagħ iridu jabbandunaw lil pajjiżna għaliex qatgħu qalbhom. Aħna ninċentivaw liż-żgħażagħ tagħna biex ikomplu jistudjaw u jitħarrġu u jkabbru l-orizzonti tagħhom iżda rriduhom jirritornaw f’pajjiżna biex iservu fostna għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Iż-żgħażagħ imdejqin għaliex jafu tajjeb li f’Malta timxi mhux skont kemm int tajjeb, iżda skont lil min taf. Jien se naħdem biex inbiddel i-realtà f’pajjiżna u biex iż-żgħażagħ jistinkaw u jaħdmu u jimxu ’l quddiem. Aħna mhux se nħarsu lejn l-uċuħ iżda se nassiguraw li ż-żgħażagħ jimxu ’l quddiem skont il-kapaċitajiet tagħhom

Iż-żgħażagħ huma inkwetati wkoll dwar l-ambjent ta’ madwarna u għalhekk huma imdejqin b’dak li qed jiġri f’pajjiżna. Il-politika tal-Gvern fir-rigward tal-ambjent qed tifga liż-żgħażagħ li huma mxebba’ bil-bini bl-addoċċ u bit-tqaċċit tas-siġar.

Hu enfasizza li l-familji Maltin qed isejħulna dwar dak li qed jinkwetahom, fosthom dwar l-għoli tal-ħajja. Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem qatigħ biex jieqaf is-serq mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Il-Partit Nazzjonalista jrid li dawn il-flejjes misruqa jintraddu lura.

Aktar u aktar nies qed jirrealizzaw kemm il-Gvern Laburista qed jisraqhom. Qalilhom ukoll l-Awditur Ġenerali.

Mhux se naċċetta li l-Gvern Laburista jgħaddi liġi u jibgħat il-messaġġ favur id-droga. Tibgħux tgħaddu lin-nies biż-żmien. Gvern Laburista li qed jibgħat messaġġ li l-użu tad-droga hu ok; xi ħaġa tajba.

“Il-Partit Nazzjonalista jrid relazzjoni ġdida mal-poplu biex pajjiżna jaqbad ir-rotta t-tajba. Is-silenzju tal-Gvern hu l-konferma tal-abbużi ta’ dan il-Gvern.

“Irridu ambjent aħjar. Irridu soċjetà aktar ġusta u fejn l-opportunitajiet ikunu hemmhekk għal kulħadd.

“Se naħdmu kemm nifilħu għall-veru ġid tal-poplu Malti u Għawdxi,” temm Bernard Grech.