Il-coach tat-tim tat-tfajliet li fil-25 ta’ Ottubru li għadda kien mixli li kkorrompa tfajla ta’ 15-il sena ingħata l-ħelsien mill-arrest mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit fuq depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €10,000. L-akkużat, qed jiġi mixli wkoll li ħa vantaġġ minn tfajla li kienet fdata fil-kura tiegħu, u dan bħala l-coach sportiv tagħha.
L-akkużat diġà kien instab ħati li kkorrompa minorenni fis-snin sebgħin ingħata l-pleġġ fuq diversi kundizzjonijiet fosthom li ma jersaqx lejn ir-Rabat u l-inħawi fil-madwar, li jiffirma darbtejn fil-ġimgħa f’għassa tal-Pulizija u li ma jistax jikkowċja.
L-anzjan, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-qorti sabiex tkun protetta l-identità tal-vittma, qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, fosthom li ripetutament issuġġetta tifla vulnerabbli għal imġiba offensiva, umiljanti u degredanti.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni, imexxija mill-Ispettur John Spiteri kienet qalet li l-allegat abbuż kien irrapportat mill-Aġenzija Appoġġ wara li t-tifla fetħet qalbha u qalet lill-ħaddiema soċjali kif kienet sofriet minn avvanzi sesswali minn raġel. Qal li r-raġel kien iwassalha minn u lejn id-dar u meta kienu jkunu waħedhom allegatament kien imissilha sidirha u l-partijiet intimi tagħha.
L-Ispettur Spiteri spjega li t-tifla kienet tgħidlu biex jieqaf u hu kien iwissiha biex ma tgħid lil ħadd biex ma ġġibux fl-inkwiet. Wara dawn l-atti, it-tfajla kellha bżonn għajnuna psikjatrika wara li allegatament uriet tendenzi ta’ suwiċidju.
L-Avukat Angele Vella, mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, kienet opponiet bil-qawwa kollha biex l-akkużat jingħata l-pleġġ u dan peress li kien diġà nstab ħati ta’ korruzzjoni ta’ minorenni.
Dr Vella kienet qalet ukoll li waqt l-arrest tiegħu nhar il-Ħadd, il-Pulizija sabu ritratt fil-mobile li allegatament kien ħa ta’ żewġ tfajliet żgħar li kienu għaddejjin fit-triq. Meta kien ikkonfrontat dwar ir-ritratt, qalet li l-coach tbissem u baqa’ kalm.
L-Avukati Franco Debono u Richard Sladden, qalu li l-akkużat ikkopera mal-Pulizija u kien lest jissottometti ruħu għal superviżjoni minn uffiċjal tal-probation jew psikjatra kif il-qorti qieset xieraq. Id-difiża qalet ukoll li kemm-il minuri kif ukoll ommha ma xtaqux jirrapportaw il-każ lill-Pulizija.
//= $special ?>