- Kevin Cutajar, Deputat Nazzjonalista
Id-Deputat Nazzjonalista Kevin Cutajar tkellem dwar il-fondi Ewropej u qal li dawn huma għodda importanti għall-ġid ta’ Malta, fosthom ukoll biex ikomplu jsiru proġetti ta’ ġid għal pajjiżna, iżda wkoll biex pajjiżna jkompli joħroġ mill-kriżi tal-pandemija.
Sa issa pajjiżna akkwista miljuni kbar ħafna minn dawn il-Fondi Ewropej li wassu għal bidliet kbar f’pajjiżna. Dan kollu wkoll għall-viżjoni li kellu l-Partit Nazzjonalista tletin sena ilu li ried li Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea.
Kevin Cutajar fakkar kif kien il-Partit Nazzjonalista li ħadem qatigħ biex Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea, iżda fakkar ukoll kif min-naħa l-oħra l-Partit Laburista ġġieled bil-kbir kontra din is-sħubija.
Tkellem ukoll dwar is-suċċess tal-vaċċin kontra l-Covid-19 u staqsa lill-Gvern biex jgħid x’kien se jiġri kemm-il darba ma kenitx l-Unjoni Ewropea li xtrat dawn il-vaċċini u kienu ma aħniex imsieħba fl-Unjoni Ewropea,min jaf kemm kien ikun hawn problemi f’pajjiżna biex jiġġieled il-pandemija.
Tkellem ukoll dwar id-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija u dwar l-ekonomija l-ħadra u qal li dawn huma settur mill-aktar importanti li qed iġibu sfidi ġodda għal pajjiżna. Hi ħasra li dan il-Baġit ma jitkellimx fid-dettall dwar il-Fondi Ewropej għaliex l-isfidi l-kbar li għandu pajjiżna quddiemu, inkluż ukoll l-ambjent, ma humiex possibbli li jintrebħu jekk il-Gvern ma jkunx tassew determinat biex dawn l-isfidi jdawwarhom f’opportunitajiet għal pajjiżna.
Il-Gvern irid ikun kapaċi jonfoq fis-sew dawn il-miljuni ta’ Fondi Ewropej u jassigura li se jonfoqhom biex jilħaq ir-riżultati li għandu bżonn pajjiżna.
Il-politika tal-Gvern Laburista wasslet biex il-korruzzjoni saret istituzzjonalizzat sal-punt li llum pajjiżna hu grey listed bil-konsegwenzi kollha li tali sitwazzjoni ġġib magħho, fosthom fuq l-impjiegi u fuq l-investiment barrani f’pajjiżna. Il-politika tal-Gvern Laburista hi fid-direzzjoni l-ħażina.
Filwaqt li ppropona li l-Fondi Ewropej jintużaw għall-edukazzjoni, għall-ġustizzja u t-trasport pubbliku, Kevin Cutajar qal li hu ma jistax jifhem kif il-Gvern Laburista ma jindirizzax dawn l-oqsma bis-serjetà u fl-aħjar ġid ta’ pajjiżna u tal-poplu Malti u Għawdxi.
Hu qal li minflok hemm abbużi serji ħafna kif qed jintefqu l-Fondi Ewropej. Araw x’ġara fir-rigward tal-ħitan tas-sejjieħ f’Ħad-Dingli fejn saħansitra nfetħet Inkjesta.
Il-Fondi Ewropej ma jistgħux jibqgħu jittieħdu fis-sigur għal dejjem. Iridu jintużaw bil-għaqal u b’intelliġenza.
//= $special ?>