Fl-aħħar sigħat ‘il-Mument’ żvela kif wara l-inċident li seħħ f’Ħal Farruġ u f’Ħal Luqa fil-bidu ta’ dan ix-xahar meta ammont kbir ta’ jetfuel spiċċa f’numru ta’ toroq, il-hazardous waste li kien jikkonsisti f’ramel u f’jetfuel spiċċa ntrema f’barriera.
Dan hu sfreġju ambjentali serju ħafna għaliex dan it-tip ta’ hazardous waste suppost li jintrema f’landfill apposta li tkun speċjalizzata għal dan it-tip ta’ skart perikoluż. Fil-verità f’pajjiżna m’għandna l-ebda landfill ta’ dan it-tip u skont il-kumpanija ConServ & Co. stazzjonata f’Santa Venera: “Malta has no facilities to store and treat hazardous material. Therefore, in order for a company to dispose of its hazardous waste it is required to export it. The process of disposing hazardous waste is bound with legal obligations and requires companies to apply and manage permits.”
F’kumment lil ‘il-Mument’, id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar, li hu l-Kelliem dwar l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima, qal li lilu wkoll twasslitlu din l-informazzjoni sensittiva fis-sens li r-ramel użat biex tnaddfet it-Triq ta’ Ħal Farruġ xi jiem ilu wara li kien hemm spileage tal-fuwil fl-Airport, intrema f’barriera.
“Dak ir-ramel hu kkunsidrat bħala hazardous material la darba ntuża biex inaddaf il-fuwil u allura hemm obbligu li jrid jintrema f’faċilità li tista’ tirċievi biss hazardous waste u li f’Malta ma hawnx! “Wieħed irid jiftakkar li fi żmien Gvern Nazzjonalista, l-engineered landfill kienet diġà kważi lesta, imma kif tela’ l-Gvern Laburista fl-2013, ix-xogħol fuq din landfill waqaf u issa flokha qed jitqatta’ l-blat għal normal engineered landfill. “F’kelma waħda kien hemm l-obbligu li dak il-materjal li ntuża f’dawn l-aħħar jiem kellu jkun esportat biex ikun trattat f’faċilità barra minn Malta, iżda l-ispiża hi kbira ħafna,” qal Robert Cutajar. Hu qal li fl-aħħar jiem smajna lill-Gvern Laburista jiftaħar u jitkellem dwar priorità ambjentali u anki b’rabta mal-kwalità tal-ħajja tan-nies, l-azzjonijiet li rajna fl-eżitu ta’ dan l-inċident serju, jikkonferma li l-Gvern u l-awtoritajiet tiegħu ma humiex kredibbli meta jitkellmu dwar is-settur ambjentali.
L-azzjoni meħuda f’dan l-inċident tikkonferma li l-Gvern Laburista, bil-kliem jgħid mod, iżda bil-fatti jagħmel mod ieħor. Il-Gvern Laburista ġie jaqa’ u jqum mhux biss mis-settur ambjentali, iżda wkoll mis-saħħa u s-sigurtà tan-nies. Robert Cutajar fisser li l-gravità ta’ dan il-każ serju toħroġ ukoll mill-fatt li d-dispożizzjoni ta’ dan il-materjal perikoluż li kien espost għar-riħ, is-sħana u anki għall-ilma tax-xita, fisser li għamel ħsara wkoll għall-ilma tal-pjan jiġifieri li jista’ jikkawża mhux biss kontaminazzjoni. Robert Cutajar temm li f’dawn il-jiem hu se jqajjem dan is-suġġett delikat fil-Parlament u se jkun qed jistenna lill-Ministru Aaron Farrugia jikkonferma jew jiċħad dawn ir-rapporti.
//= $special ?>