Rapporti fil-media llum indikaw li NGOs qed jappellaw għall-għajnuna wara li l-Gvern waqaf jagħti sapport finanzjarju biex tinxtara mediċina kruċjali fil-ġlieda kontra l-kanċer tas-sider u għalhekk pazjenti qed ikollhom iħallsu l-eluf jew inkella ma jieħdux it-trattament għaliex ma jaffordjawhx.
Il-Partit Nazzjonalista permezz ta’ Stephen Spiteri, il-Kelliem tal-PN għas-saħħa qal li jinnota b’dispjaċir dan l-iżvilupp. Dan mhux ġust għal dawn il-pazjenti u l-familjari tagħhom. Trattament f’dawn iċ-ċirkostanzi ta’ mard għandu jkun tal-aqwa kwalità u li joffri l-aħjar kura.
Min-naħa tiegħu l-Partit Nazzjonalista diġà ppropona trattament għall-pazjenti kollha bil-kanċer bla ħlas u mingħajr il-pazjenti ma jkunu tallaba għaliex jemmen li kull pazjent għandha tingħatalu l-aħjar forma ta’ kura.
Fil-fatt aktar kmieni din is-sena l-Partit Nazzjonalista wiegħed li għandu jiġi allokat il-finanzjament neċessarju biex tiġi offruta l-kura mingħajr ħlas permezz ta’ mediċini first-line kif ukoll second-line li jkunu approvati mill-Aġenzija tal-Mediċini Ewropea.
Propona wkoll li l-formolarju għandu jiġi aġġornat biex joffri l-aktar mediċini ġodda mingħajr il-bżonn li l-pazjenti jiddependu fuq entitajiet oħra u li jiżgura li l-gvern iqassam il-fondi pubbliċi aħjar.
Saħaq li għandu jitwaqqaf Drug Fund li jkopri indikazzjonijiet speċifiċi biex pazjenti li jkunu eliġibbli jsibu l-għajnuna b’mod awtomatiku mingħajr il-bżonn ta’ proċessi burokratiċi. Kif ukoll li jitwessa’ l-aċċess għal supportive medicines biex itaffu l-effetti kollaterali tal-medikazzjoni.
//= $special ?>